Sport Waterpolo

Mark Carani hu xempju ta’ kuraġġ li baqa’ jilgħab il-waterpolo anki fi żminijiet diffiċli

Żagħżugħ b’talent, sensittiv iżda umli, persuna ta’ karattru li minkejja d-diffikultajiet, stinkat biex kompliet titjieb fl-isport li tħobb. Dan hu dak kif niddeskrivi lil Mark Carani, plejer ta’ 17-il sena li jilgħab ma’ Sliema.

Carani beda jagħmel l-ewwel passi fil-kampjonati tal-kbar is-sena l-oħra meta kien parti mill-iskwadra Slimiża fl-Enemed Cup, il-Kampjonat tax-Xitwa u fl-istaġun tas-sajf. Il-gowls fl-Enemed Cup kontra Sirens u Ta’ Xbiex u dak kontra Exiles fil-Kampjonat tax-Xitwa, kienu l-ewwel sodisfazzjon personali għal dan iż-żagħżugħ, bl-istess plejer isib ix-xibka għall-ewwel fl-istaġun tas-sajf kontra Valletta fl-10 ta’ Awwissu.

Din is-sena, Mark Carani kien misluf lil Ta’ Xbiex fl-Ewwel Diviżjoni, bħala parti mill-pjan tal-klabb Slimiż li jagħti esperjenza liż-żgħażagħ tiegħu f’kampjonat tal-adulti. Għalkemm jispikka aktar fid-difiża, Carani skorja tliet gowls fil-Kampjonat tax-Xitwa u tnejn oħra f’dan l-istaġun tas-Sajf, sena li għandha titqies importanti biex jikber aktar bħala plejer.

Il-kowċ Giuseppe Dato, li kien il-kowċ ta’ Mark Carani f’dan l-istaġun tas-sajf ma’ Ta’ Xbiex, qal li Carani kiber ħafna mentalment b’konsegwenza li hu plejer aħjar. Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo sostna li l-aħħar sena kienet pożittiva għalih u tjieb fl-għawm, fit-teknika u anki tattikament.

L-esperjenza tiegħu fil-Kampjonat Ewropew

Fil-Georgia, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena, spiċċat fit-12-il post fil-Kampjonat Ewropew, b’Carani jkollu prestazzjonijiet pożittivi fejn anki rnexxielu jniżżel ismu fost l-iskorers fil-logħba importanti kontra t-Turkija. “Kont kuntent ħafna speċjalment kif lagħbt kontra t-Turkija, ir-Russja naħseb jiena u l-Georgia wkoll. Il-bqija tal-logħob kienu kontra timijiet aktar diffiċli bħall-Olanda, is-Serbja, l-Italja. Imma tajt dak li stajt jien, it-tim kollu dak li seta’ u fl-aħħar mill-aħħar it-12-il post hu tajjeb ħafna għalina,” qal Carani.

“Tani aktar milli stennejt minnu ngħidlek il-verità. Kien hemm logħbiet fejn kien tajjeb speċjalment mat-Turkija, kemm fid-defence u kemm fl-attakk skorja gowl importanti wkoll għax niftakar issa wkoll li kien parti wkoll mir-rebħa tas-suċċess tagħna.” Karl Izzo żied li kien kuntent bil-prestazzjonijiet tiegħu għaliex lagħab bla biża’. L-uniku ħaġa li seta’ ried aktar minnu kien li kieku kellu aktar stamina biex iwassal sal-aħħar tal-logħba.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ Mark Carani

Is-saħħa hi waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ Mark Carani u żgur li din tgħin il-logħba tiegħu meta jiddefendi, speċjalment ma’ avversarji aktar b’saħħithom. F’dan l-istaġun tas-sajf hu lagħab regolarment ma’ Ta’ Xbiex fl-Ewwel Diviżjoni, u mal-iskwadra ta’ taħt l-20 sena ta’ Sliema. B’hekk din is-sena tista’ sservi ta’ bażi għall-futur qrib biex iżid fil-logħob tiegħu u forsi jibda jkun involut ftit ftit mal-iskwadra ewlenija Slimiża. Carani kkumenta x’tgħallem minn dan il-kampjonat ma’ Ta’ Xbiex fejn qal li nduna li jrid ikun b’saħħtu biex jilgħab fil-livell tal-kbar u bl-akbar onesta saħaq li fl-età tiegħu hu tajjeb li għalissa qed jilgħab ma’ Ta’ Xbiex għax qed ikollu ċans jilgħab.

“Għandu karatteristiċi ta’ ċertu tip, hu l-plejer klassiku li jrid ikollok wieħed bħalu fi skwadra ta’ 13-il plejer għaliex nirripeti għandu kwalitajiet li jikkumbatti, li ħafna oħrajn ma għandhomx. Irid jimmatura mill-perspettiva tad-dixxiplina tattika,” kompla Dato.

Karl Izzo uża lil Mark Carani mal-ewwel sebgħa fil-Kampjonat Ewropew. Dan ma kienx b’kumbinazzjoni, b’Izzo jistqarr uħud mil-aqwa kwalitajiet tiegħu. “Mark għandu karattru jiena li jogħġobni. Qatt ma kelli clashes miegħu, forsi xi kultant jinnervja meta ma jagħmilx l-affarijiet kif suppost għaliex qegħda fid-demm tiegħu li jrid jagħmel l-affarijiet ta’ perfezzjoni. Le jiena kuntent bil-prestazzjoni, kemm fil-karattru, jobdi kemm tattikament u anki fit-training qatt ma kelli problemi.”

Għaliex għażel il-waterpolo u kif isib bilanċ mal-istudju?

Fatt interessanti hu li Mark Carani ma lagħbx biss il-waterpolo iżda fil-passat kien jilgħab il-futbol. Kif beda jilgħab u spiċċa ffoka fuq il-waterpolo. “Waqaft futbol erba’ snin ilu, kelli 13-il sena konna sejrin tajjeb mas-Sliema Wanderers. Imma imbagħad għamilt season tajjeb hawnhekk fis-sajf Under 13’s ukoll, u kowċ Izzo kellimni, qalli ra xi ħaġa fiha u imbagħad iddeċidejt li nkompli waterpolo, għidt ikolli ċans aħjar anki nintgħażel aktar man-nazzjonal milli fil-futbol.”

Żagħżagħ li b’mod speċjali bejn il-15 u t-18-il sena jkunu qed jipprattikaw sport u jkunu qed jippruvaw jeċċellaw fl-istudju, ikollhom diffikultà biex isibu l-bilanċ neċessarju. “Ikolli nagħmel ħafna sforz jiena biex nistudja u nagħmel kollox imma fl-aħħar mill-aħħar, training nipprova ma nitlef qatt, studju nipprova nġib kollox jiena, kollox kif suppost fil-ħin imma jirnexxili, fl-aħħar mill-aħħar dejjem jirnexxilek jekk issib ħin.”

Giuseppe Dato ilu kowċ ta’ Mark Carani għal dawn l-aħħar sentejn kemm maż-żgħażagħ ta’ Sliema kif ukoll ma’ Ta’ Xbiex u għalhekk ħadem ma’ diversi żgħażagħ f’dawn l-aħħar xhur. Dato jagħti parir lil żgħażagħ bħal Mark biex ma jibbażawx biss fuq it-talent li jkollhom. “Nemmen li jekk taħdem tista’ tikseb riżultati importanti imma d-differenza tagħmilha l-ħidma li tagħmel, minbarra l-kwalitajiet tekniċi u tattiċi.”

Id-determinazzjoni ta’ Carani fi żmien diffiċli

Dawk li jafu lil Mark Carani, huma konxji mis-sena diffiċli li kellu għal raġunijiet personali. Żgur li l-għajnuna ta’ sħabu, dawk fil-klabb ta’ Sliema kif ukoll dawk kollha viċin tiegħu, kienu strumentali biex dan iż-żagħżugħ kompla bil-ħajja tiegħu bl-aħjar mod possibbli. Hu jesprimi l-ħsibijiet tiegħu dwar l-għajnuna li jsib mingħand sħabu. “Ifakkruni li jien għandi dejjem lilhom ħdejja, kuljum jibagħtuli, kuljum jiċċekkjaw fuqi jekk hux orrajt, dejjem jekk ikun hemm xi ħaġa ħażina nippruvaw nirranġawha, qatt ma mort, qatt ma kelli ġlied ma’ ħadd jiena, jiġifieri dejjem sibna l-mod kif nirranġaw kollox.”

Karl Izzo tkellem ukoll fuq dan il-fatt minħabba li jaf l-istorja ta’ Mark Carani. “Mhix faċli li tilgħab u tkompli tilgħab il-waterpolo meta jkollok diffikultajiet. Jiena l-istorja ta’ Mark nafha, għadda minn affarijiet mhux pjaċevoli wkoll jiġifieri, imma bis-saħħa baqa’ għaddej, webbes rasu u ovvjament qed narawh fejn qiegħed issa.”

Ħafna jaqtgħu qalbhom meta jsibu ma’ wiċċhom diffikultajiet mhux mistennija. Iżda dan mhux Mark Carani. Minkejja kollox, hu jibqa’ jistinka biex jitjieb fil-waterpolo u javvanza mill-aspett akkademiku fuq l-IT. Jekk jibqa’ jkollu l-għajnuna neċessarja minn dawk li jridulu l-ġdid, Mark Carani jista’ jkompli jdawwar id-diffikultajiet li għadda minnhom f’opportunità li jkompli jikber u għaliex le jkun meqjus bħala Stilla tal-Futur.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demandhttps://netondemand.mt/play/3192

Tags