Sport Waterpolo

Milakovic strumentali fir-rebħa ta’ Marsaskala li biha jinsabu qrib ir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni

VALLETTA VIDEOSLOTS………… 8 MARSASKALA FISH AND FISH…….. 13

(3-4), (0-2), (2-4), (3-3)

Wirja pożittiva ta’ Marsaskala Fish and Fish ppremjathom hekk kif ħadu vantaġġ importanti fl-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni. B’din ir-rebħa huma jistgħu jassiguraw il-kampjonat is-Sibt li ġej, b’Kristijan Milakovic jispikka b’wirja mill-aqwa.

Valletta ddiżappuntaw f’din il-logħba hekk kif għal darba oħra naqsu li jsibu tarf ta’ Marsaskala u b’hekk tilfu għat-tielet darba kontrihom f’dan l-istaġun. Għalihom għamel id-debutt il-Montenegrin Jovan Saric li ftit ħalla impatt fil-logħba.

Marsaskala rebħu l-ewwel sessjoni 4-3, bil-barrani Kristijan Milakovic jiskorja tripletta. Dan wara li Milakovic u Averka kienu marru 2-1 minn fuq wara l-gowl ta’ Andrea Bianchi.

Fit-tieni sessjoni l-Beltin żbaljaw ħafna fil-konklużjonijiet tagħhom u ppermettew lil Marsaskala li jieħdu vantaġġ minn dan il-fatt hekk kif bdew jiżmarkaw ruħhom tajjeb, b’Konstantin Averka jiskorja l-uniċi gowls tas-sessjoni u kabbar il-vantaġġ għal 6-3.

Peter Borg daħħal lil Valletta fil-logħba fil-bidu tat-tielet sessjoni b’doppjetta iżda Marsaskala wieġbu l-ewwel permezz ta’ Averka b’Kristijan Milakovic jiskorja tripletta u prattikament assigura r-rebħa. Ta’ min isemmi l-gowl mill-isbaħ li skorja Milakovic f’din is-sessjoni meta għeleb lil Ryan Sciortino b’xutt b’saħħtu min-nofs il-pitch.

Fl-aħħar sessjoni Marsaskala kellhom il-kontroll totali tal-logħba u komplew ikabbru l-iskor b’doppjetta taż-żagħżugħ Jan Culic. Jovan Saric skorja l-ewwel żewġ gowls f’pajjiżna u wara li Malcolm Manara skorja għal Marsaskala, Michael Cordina naqqas id-distakk ukoll lejn it-tmiem.

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg (2), A. Bianchi (1), R. Mock, D. Paolella, J. Saric (2), M. Cordina (1), M. Zammit, D. Kholod (1), N. Farrugia, R. Bonnici, C. Zammit

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, M. Manara (1), M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro, K. Milakovic (7), K. Averka (3), J. Culic (2), R. Attard, D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice, J. Ciantar

Referees: Massimo Angileri, Daniele Bianco