Illum żewġ timijiet jistgħu jagħmlu pass importanti biex jiksbu ż-żewġ kampjonati ta’ din is-sena hekk kif jintlagħbu l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta. Bla dubju li l-aktar logħba mistennija se tkun dik tal-Kampjonat Premier hekk kif ir-rivali eterni Neptunes Leo Vegas u Sliema Frank Salt jiltaqgħu kontra xulxin. F’dan is-sajf iltaqgħu t-tliet darbiet b’Neptunes joħorġu dejjem rebbieħa. Fil-kampjonat huma rebħu bl-iskor ta’ 10-9 u 10-6 filwaqt li rebħu l-finali tan-knock-out 10-8.
Fl-ewwel logħba li ntlagħbet fis-17 ta’ Lulju, Neptunes kienu rebħu logħba missielta wara li f’xi ħinijiet dehru taħt pressjoni. Minkejja t-telfa, Sliema kellhom prestazzjoni sodisfaċenti u kkonfermaw il-progress li għamlu f’dan l-istaġun. Fit-tieni logħba li ntlagħbet fis-6 ta’ Awwissu, Neptunes urew il-kwalità tagħhom biex dawru l-logħba fit-tielet sessjoni permezz tas-solitu Stevie Camilleri u minn hemm Sliema ma kellhomx risposta.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Valletta donnhom dehru l-favoriti wara li ddiżappuntaw minħabba li ma lagħbux fil-Kampjonat Premier. Iżda fl-Ewwel Diviżjoni, Valletta kienu megħluba darbtejn minn Marsaskala 17-14 u 13-10 u għalhekk Marsaskala għandhom vantaġġ żgur mentalment. Aktar minn hekk, Valletta ilhom mill-10 ta’ Awwissu ma jilagħbu b’mod kompetittiv filwaqt li Marsaskala lagħbu kontra Otters, tliet semifinali tal-play-offs u rebħu l-finali tan-knock-out.
Logħob għal-lum
L-Ewwel Diviżjoni: Valletta v Marsaskala 6.15pm
Kampjonat Premier: Neptunes v Sliema 7.30pm
//= $special ?>