Sport Waterpolo

Neptunes pass bogħod mis-26 kampjonat b’rebħa sofferta fuq Sliema fl-ewwel finali tal-play-off

(Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES LEO VEGAS………….. 15 SLIEMA FRANK SALT…………….. 14

(3-5), (4-3), (4-3), (4-3)

Neptunes Leo Vegas kellhom bżonn reazzjoni fit-tieni parti tal-logħba biex għelbu l-isfida missielta ta’ Sliema Frank Salt u issa jinsabu rebħa bogħod milli jassiguraw is-26 kampjonat fl-istorja tagħhom u t-tielet wieħed fl-aħħar erba’ snin. Neptunes ma kinux solidi bħas-soltu fid-difiża u speċjalment fl-ewwel parti tal-logħba bdew iħallu diversi spazji lill-plejers ta’ Sliema. Wara t-tieni sessjoni, Neptunes tjiebu filwaqt li Sliema naqqsu ftit mir-ritmu.

Għalkemm taw dak li setgħu, Sliema kienu diżappuntati mhux biss bir-riżultat finali iżda speċjalment bil-kontroll tal-uffiċjali b’mira diretta lejn ir-referee Peter Balzan. Dan kawża ta’ diversi deċiżjonijiet li marru kontra Sliema b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fawls li skont is-Slimiżi kellhom iwasslu għal man-ups favurihom.

Bidu pożittiv minn Sliema li mhux biss rebħu l-ewwel sessjoni 5-3, iżda impressjonaw bid-difiża kompatta li kellhom flimkien mal-gowlkiper Joseph Parnis. Sliema kellhom vantaġġ ta’ 4-1 b’gowls minn Norbert Hoznyansky, doppjetta ta’ Jerome Gabarretta u gowl ta’ Liam Galea. Jordan Camilleri u Nikolai Zammit naqqsu d-distakk iżda Hoznyansky ħalla lis-Slimiżi b’vantaġġ doppju.

Sliema saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 7-4 fit-tieni sessjoni iżda Stevie Camilleri skorja doppjetta biex ħalla lil Neptunes fil-logħba. Gavril Subotic għamel l-iskor 8-6 b’xutt sabiħ fir-rokna ta’ fuq iżda Brguljan wieġeb għal Neptunes lejn it-tmiem.

Neptunes tjiebu fit-tielet sessjoni u kienu aktar offensivi mill-avversarji. Huma rnexxielhom iġibu d-draw 9-9 u anki marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba permezz ta’ Brguljan, iżda Subotic għamel l-iskor 11-11 fl-aħħar parti tas-sessjoni.

Fl-aħħar sessjoni, Neptunes kienu milħuqa darbtejn sakemm Stevie Camilleri għamel l-iskor 14-13 b’nofs sessjoni għat-tmiem. Huma aċċertaw mir-rebħa anqas minn minuta mit-tmiem, b’Darko Brguljan jiskorja minn man-up wara azzjoni maħduma b’mod maħsub.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim, D. Brguljan (5), S. Camilleri (4), J. Camilleri (2), J. Abela, N. Zammit (4), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia

Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (4), G. Subotic (4), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky (2), M. Spiteri Staines, L. Galea (1), B. Cachia, J. Gambin (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo, K. Borg, J. Cachia

Referees: Peter Balzan, Alessandro Severo