Żvolta oħra fil-ġuri dwar il-qtil f’Birkirkara meta hekk kif kien se jibda l-ġuri, wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali ċaħdet ir-rikors li sar mill-avukati tal-vittma, l-Avukat Amadeus Cachia informa lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li kien se jsir appell minn naħa tagħhom.
Għaldaqstant dan il-ġuri ġie pospost b’mod indefinit bl-appell jiġi appuntat fil-jiem li ġejjin quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Dak li seħħ l-Erbgħa kienet xi ħaġa storika f’ġuri fejn il-‘parte ċivili’ rnexxielha żżomm ġuri milli jsir, liema ġuri jikkonċerna lil Etienne Bartolo ta’ 38 sena minn Birkirkara magħruf bħala “il-Vojt” li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena.
Meta l-Qorti ġiet infurmata li se jsir l-Appell l-Imħallef Scerri Herrera infurmat lill-ġurati li l-ġuri ma kienx se jsir u filwaqt li skużat ruħha magħhom talli għal darba darbtejn qaltilhom bl-eżitu tal-każ. Hija qaltilhom ukoll li dan il-każ mistenni jieħu x-xhur u għalhekk mhumiex se jservu f’dan il-ġuri.
Ir-rikors mitluf u li issa se jsir appell dwaru sar għan-nom ta’ Giovanna Antida Grech, omm il-vittma u uliedha fejn fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali t-talba kienet li l-ġuri m’għandux isir għaliex allegatament is-sistema tal-ġuri f’Malta tikser id-drittijiet fondamentali tagħhom.
L-Avukat Grech qal lill-Qorti Kriminali li huma se jappellaw dwar punti li ma ġewx itratti fis-sentenza mogħtija mill-Imħallef Robert Mangion. Is-sentenza li ċaħdet ir-rikors qalet li l-ilmenti magħmula ma jinkwadrawx ruħhom bħala raġunijiet validi sabiex il-Qorti tordna li l-ġuri ma jsirx.
Id-deċiżjoni mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li l-ebda dritt ma nkiser prima facie u li l-partijiet lanqas ma wrew, fil-fehma li l-Qorti illi jekk it-talba tagħhom sabiex il-ġuri jiġi differit fit-tul ma tintlaqax se ssirilhom xi ħsara rrimidjabbli.
Ingħad ukoll mill-Prim Awla li l-allegazzjoni tal-‘parte civile’ li għaliex il-ġuri ġie differit minn nhar it-Tnejn għal lum l-Erbgħa se jinkisru xi drittijiet fundamentali tagħhom, ma tikkwalifikax bħala ċirkostanza eċċezzjonali li twassal għas-sospensjoni tal-ġuri.
L-Avukat Amadeus Cachia, li flimkien mal-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat qed jidhru bħala parte civile fil-każ għan-nom tal-vittma, magħruf bħala “Iċ-China” min-Naxxar, qalu li l-ġuri huwa preġudikat u kienu qed jikkontendu li m’għandux isir.
Madankollu l-Qorti qalet li dan u dak li talbu l-Avukat tal-familjari tal-vittma mhuwiex bażi legali biex il-ġuri jkun pospost. Dan il-qtil li kien seħħ f’Marzu tal-2017 u li huwa marbut mad-droga. Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Avukat Cachia qal li l-fatt li diġa kien hemm rapurtaġġ fil-media fuq dan il-każ jista’ jkun ta’ influwenza fuq il-ġurati.
L-Avukat Cachia għamel is-sottomissjonijiet tiegħu quddiem l-Imħallef Robert Mangion, liema kawża b’urġenza bdiet fit-8.30 a.m. L-Avukat qal li erba’ snin ilu ġuri li kellu jibda t-Tnejn fil-konfront ta’ Melchior Spiteri kien ġie pospost minħabba li qabel ma beda kien hemm rapurtaġġ fil-media fuqu.
Huwa qal ukoll li din id-darba wara li minħabba li l-lista’ tal-ġurati ma kienitx pubblikata fil-gazzetta tal-Gvern ġie deċiż li dan il-ġuri jsir jumejn wara. Huwa qal li ma għamlitx sens li filwaqt li suppost li l-ewwel toħroġ il-lista tal-ġurati fuq il-gazzetta tal-Gvern biex wara l-ġurati jattendu l-Qorti, din id-darba ġara bil-maqlub, bil-ġurati diġa’ jkunu mgħajjtin bil-lista tiġi pubblikata wara.
Minn naħa l-oħra l-Avukat Edward Gatt u Mark Vassallo ma qablux ma’ dan kollu u qalu li dan mhux argument sod biżżejjed biex il-ġuri ma jsirx, punt li l-Qorti qablet miegħu. L-Avukat Gatt qal li hija stramba ħafna li huma l-Avukati tal-vittma li qed jagħmlu t-talba biex il-ġuri ma jsirx.
Dan il-punt qabel miegħu l-Avukat Christian Falzon Scerri minn naħa tal-Avukat Ġenerali li qal li dan il-punt biss mhuwiex b’saħħtu biex iħassar ġuri u dan jixhdu wkoll il-fatt fejn diversi rikorsi li saru mill-parte civili dejjem ġew miċħuda.
Huwa qal ukoll li l-parte civile għandha doveri x’taqdi imma skont il-liġi hija ristretta fl-azzjonijiet tagħha, xi ħaġa li d-difiża ma taqbilx magħha fejn l-Avukat Cachia qal li dan m’għandux ikun. Huwa qal ukoll li l-parte civile ma kienitx taf li l-Qorti fetħet b’urġenza nhar il-Ħadd u dan għaliex ma kienitx infurmata.
L-Avukat Cachia qal li minkejja li huwa bagħat emails lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija fost oħrajn ma ħa ebda tweiġba u sar jaf kollox mill-media, xi ħaġa li mhux sew li ssir għax qed tinħonoq it-trasparenza.
Il-ġuri jorbot ma’ dik li tidher li kienet biċċa negozju fid-droga li marret ħażin, fejn wasslet biex żagħżugħ ta’ 26 sena minn Naxxar, Roderick Grech jitlef ħajtu b’daqqa ta’ temprin. Il-każ kien seħħ fid-29 ta’ Marzu tal-2017 fejn il-vittma qala’ daqqiet ta’ strument li jaqta’ bil-ponta wara ġlieda li kienet qamet.
Grech kien miet jumejn wara li seħħ l-inċident, bl-akkużat jitressaq mill-ewwel il-Qorti fuq dan il-każ. “Iċ-China” kien miet fit-Taqsima għall-Kura Intersiva tal-Isptar Mater Dei kaġun tal-grieħi serji li qala’ f’sidru, viċin qalbu. Bartolo qed jikkontendi li huwa għamel dak li għamel biex jiddeffendi lilu nniffsu.
Fil-fatt Bartolo minbarra l-omiċidju mistenni jiġi akkużat li kellu fil-pusses tiegħu arma bil-ponta mingħajr liċenzja. Allegatament “Iċ-China” kien jaħdem bħala ‘courrier’ fit-tqassim tad-droga ma’ Jordan Azzopardi, li bħalissa għaddejjin proċeduri kontrih fuq każijiet ta’ traffikar ta’ droga u użu ta’ flus foloz.
//= $special ?>