Ambjent Lokali

Tikber il-problema tar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni

Huma diversi l-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni li mill-bieraħ sabu li l-prezz biex jarmu skart tal-kostruzzjoni issa iktar milli rdoppja mill-lejl għan-nhar.

Sa minn nhar it-Tnejn il-prezz għar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni kien ta’ €8 għal kull tunnellata ta’ skart. Iżda ħaddiema fis-settur li marru jarmu l-iskart l-għada intalbu ħlas ta’ €17 għal kull tunnellata.

Dan hu riżultat dirett tal-problema dejjem tikber ta’ fejn jista’ jintrema’ l-iskart tal-kostruzzjoni hekk kif bħalissa hemm biss barriera waħda fejn jista’ jsir dan.

Net News hu infurmat li hemm tlieta jew erba’ applikazzjonijiet ta’ barrieri oħra biex ikunu jistgħu jibdew jiġbru fihom l-iskart tal-kostruzzjoni, iżda minkejja dan kollu, il-Gvern donnu qed ikaxkar saqajh biex japprova dawn l-applikazzjonijiet.