Djibril Ganiou mit-Togo ġie ikkundannat 30 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li qatel lil Caroline Magri tliet snin ilu. Huwa ammetta quddiem l-Imħallef Giovanni Griscti li bħalissa qed jisma’ ġuri ta’ żewġ Afrikani mixlijin bi stupru ta’ mara Taljana, liema ġuri qed jinstema’ bil-magħluq.
Magri ta’ 41 sena mill-Imqabba, u omm ta’ tmint itfal kienet instabet maqtula f’appartament f’Ta’ Giorni, San Ġiljan nhar it-30 ta’ Settembru 2016. Hija kienet instabet mejta fuq is-sodda b’daqqiet ta’ arma bil-ponta. Il-Pulizija kienet iddeskriviet ix-xena li sabet bħala waħda makabra.
Djibril Ganiou ammetta kollox wara li sar ftehim dak li f’termini legali jissejjaħ patteġġament bejn id-difiża u l-Avukat Ġenerali fuq il-piena. Minbarra 30 sena ħabs, Ganiou kien ordnat iħallas mal-€40,000 fi spejjeż tal-Qorti.
Għall-ewwel Ganiou kien qal lill-Pulizija li l-mara kienet qaltlu li kienet se tikkommetti suwiċidju, u dan wara argument bejn it-tnejn. Huwa kien qal li kien sabha f’għadira demm iżda aktar tard kien ammetta mal-Pulizija li kien hu li qatilha. Ganiou ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu sikkina fil-kummissjoni tad-delitt.
L-avukat Joseph Ellis deher għal akkużat filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru bħala ‘parte civile’ għall-familjari tal-vittma. L-Avukat Elaine Mercieca kienet il-Prosekutur f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.