Lokali

Appell lill-Gvern biex ikun hemm aktar inċentivi lin-negozji ż-żgħar – GRTU

Il-konsumatur Malti għadu jibbażża wisq l-infieq fuq flus kontanti.

.Il-Konsumatur Malti għadu jibbażża wisq fuq l-użu tal-flus kontanti. Dan ħareġ minn survey ikkomissjonat minn Mastercard flimkien mal-GRTU fejn il-poplu Malti, għal spejjeż ta’ kuljum juża flus kontanti u fi kważi 40% tal-infieq inġenerali. Dan l-istħarriġ ġie preżentat f’konferenza stampa mtella’ fil-binja tal-GRTU fil-Floriana.

Dwar dan ħadna l-kumment ta’ Paul Abela l-President tal-GRTU fejn fil-kummenti tiegħu qalilna dwar l-importanza li l-Gvern jikkunsidra li jkun hemm inċentivi għan-negozji ż-żgħar.

“Aħna mal-Gvern qed ngħidu li negożji żgħar għandhom jingħataw inċentiv” – Paul Abela, President tal-GRTU

Huwa kompla li għall-Gvern meta jintuża credit jew debit card, dawk ikunu jistgħu jiġu traċċabbli, u għalhekk lill-Gvern din se tgħinu biex jitnaqqas l-abbuż.

Abela qal l-flus kontanti huma spiża wkoll, li l-Gvern iħallas għaliha biex dawn il-flus ikunu ċirkolati. Huwa qal li l-GRTU se tibqa’ tagħmel ħilitha biex dawk il-ħwienet iż-żgħar li ma jaċċettawx il-cards, iżda trid l-għajnuna min-naħa tal-Gvern biex dan ikun jista’ jsir.

Dan is-survey inħadem fuq kampjun ta’ 550 konsumatur, u 140 negozjant. B’kollox ħareġ li 57% tal-Maltin jirrikonoxxu li d-debit card hija sostitut ewlieni tal-flus kontanti, u 23% jużawha għall-infieq tagħhom.

37% tal-Maltin m’għandhomx credit card, filwaqt li 15% m’għandhomx debit card.

L-istess sħarriġ ikompli jgħid li 30% tal-ħwienet ma jaċċettawx ħlas bil-cards minħabba l-ispejjeż li hemm fuq il-magni tal-POS.

Ħareġ ukoll li aktar minn 50% ta’ dawk li jagħmlu użu minn credit jew debit card, jagħmlu dan biex jixtru onlajn u minn barra. Numru ta’ utenti jagħmlu dan kważi dejjem bejn kull 10 u 15 il-jum.

Min-naħa tagħha Aspa Palimeri, id-Direttur tal-Mastercard għall-Greċja, Ċipru u Malta qalet li l-kumpanija għandha l-għan li żżid il-konvenjenza, l-effiċjenza u s-sigurtà. 

Mir-riżultati li ħarġu, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta hija l-aktar pajjiż li għandha u tagħmel użu minn flus kontanti. Madankollu l-kelliema għal Mastercard qalu 85% tan-nies fid-dinja jagħmlu transazzjonijiet permezz ta’ flus kontanti.