Il-PN se jkompli jressaq proposti biex f’pajjiżna jkollna pjanar fit-tul u sostenibbli.
Il-PN mhuwiex kontra l-iżvilupp. Iżda l-iżvilupp irid isir bi pjan. Meta jkun hemm pjan u fit-tul, igawdi kulħadd – għax min qed jinvesti se jkollu garanzija aqwa ta’ profitt li jibqa’ jiġi sostnut u min qed ifittex saqaf fuq rasu jkun jista’ jagħmel dan b’mod normali, diċenti u b’sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali fejn min jiflaħ l-inqas jigi mgħejun aħjar.
Is-sitwazzjoni tal-kirjiet hija pjaga soċjali li qed tkompli tikber. Il-kirjiet għoljin qegħdin jaffettwaw sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni Maltija fejn ħaddiema, u familji fuq paga baxxa imma wkoll paga medja, u dħul hekk meqjus ‘sodisfaċenti’, qed iġorru piżijiet finanzjarji kbar.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta l-Hamis filgħaxija kien qed jindirizza attività politika fil-każin tal-PN fl-Imqabba. Dan bħala parti mill-attivitajiet tal-PN għall-festi tal-Indipendenza.
Pajjizna qed jara theddida soċjali qawwija għall-Maltin li jiddependu fuq il-kiri biex ikollhom saqaf fuq rashom. Hawn familji li qed iħabbtu wicchom ma’ żidiet fil-kera minn Ewro 500 għal Ewro 5,000 fis-sena. Dan f’kuntest ta’ prezzijiet għoljin tal-proprjetà li qed tagħmilha diffiċli ħafna biex koppji żgħażagħ jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia spjega kif din is-sitwazzjoni hi wkoll riżultat tal-mudell ekonomiku li miexi bih il- Gvern Laburista fejn qed ikabbar il-popolazzjoni bla pjan ta’ xejn. Fil-pajjiż hawn nuqqas gravi ta’ pjanar fit-tul. Dan mhux qed jgħidu biss il-Partit Nazzjonalista. Din il-gimgħa stess l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, esprimiet it-tħassib tagħha dwar pjanar fit-tul f’pajjiżna, qal Adrian Delia.
Il-PN jibqa’ jinsisti li pajjiżna, fejn jidħol l-iżvilupp u l-ippjanar, ikollu pjan fit-tul miftiehem b’kunsens wiesgħa fost l-imsieħba soċjali kollha f’pajjiżna.
Hemm bżonn ukoll ta’ inizjattivi legali li jħajru kirjiet fit-tul, sabiex iħarsu lill-familji mill- biżà li jitkeċċew minn djarhom. Fil-liġi ma jeżistu ebda inizjattivi li jassiguraw aktar stabilità soċjali.
Il-PN jinnota b’dispjaċir kif kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista, naqas milli jinvesti f’akkomodazzjoni soċjali biex jiġi żgurat li jkun hawn biżżejjed propjetà u postijiet għall-kiri bi prezzijiet affordabbli. Dan juri nuqqas serju ta’ sens ta’ ġustizzja socjali, qal Adrian Delia.
//= $special ?>