“Il-liġijiet ma jiswewx il-karta li fuqha huma miktuba sakemm ma jiġux infurzati b’mod ġust,” qal il-Kwestur tal-Parlament Ewropew il-ġdid, David Casa MPE.
Illum l-ewro-deputati tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ddiskutew mal-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), José Manuel Campa, u rappreżentant ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus.Matul dan l-iskambju ta’ opinjonijiet, il-MPE Casa fakkar li l-liġijiet komprensivi tal-UE dwar il-ħasil tal-flus, li diġà daħlu fis-seħħ, jistgħu jkunu effettivi biss jekk jiġu infurzati b’mod korrett.
“Matul l-aħħar leġiżlatura kien hemm ħafna eżempji ta’ entitajiet finanzjarji li komplew joperaw anki meta dawn kienu involuti fil-korruzzjoni internazzjonali u l-ħasil ta’ flus. Fil-każ infami f’Malta tal-Bank Pilatus kien hemm evidenza fid-dominju pubbliku, għal aktar minn sena, qabel ma il-liċenzja ġiet irtirata.
Filfatt, dan il-Parlament diġa wera t-tħassib serju tiegħu f’diversi riżoluzzjonijiet dwar ir-rabta ta’ ċertu banek mal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Dan mgħandux jerġa’ jseħħ,” qal l-ewroparlamentari David Casa.
“F’ħafna mill-każijiet azzjoni ttieħdet biss mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej wara li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu diġà identifikaw il-problemi. L-ABE ngħatat setgħat akbar biex tiġġieled il-ħasil tal-flus. Filwaqt li nilqa’ dan l-iżvilupp, fadal mistoqsijiet dwar jekk dawn il-poteri humiex biżżejjed. Inevitabbilment se jkomplu jinqalgħu sfidi oħra meta l-entitajiet finanzjarji involuti f’attività illeċita jibbenefikaw minn protezzjoni ta’ livell għoli. Dawn l-isfidi għandhom jingħelbu,” insista l-MPE David Casa.
//= $special ?>