Sport Sport Ieħor

FILMAT: Minkejja li mhux fost il-protagonisti, il-Kalkara se jieħdu sehem fit-tlielaq kollha taż-żewġ kategoriji

Id-distrett tal-Kalkara rebaħ ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja seba’ darbiet iżda l-aħħar suċċess wasal lura fl-1971. Fl-aħħar snin naqas li jkun fost il-protagonisti iżda minkejja dan, il-klabb tal-Kalkara se jkun qed jieħu sehem fit-tlielaq kollha kemm tal-Kategorija Open kif ukoll tal-Kategorija B.

Għalkemm illum il-klabb tal-Kalkara hu meqjus fost iż-żgħar, il-qaddiefa u l-kumitat xorta jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom u għalhekk jittamaw li tal-anqas dawn l-isforzi jissarrfu f’xi ħaġa pożittiva. Il-maġġoranza assoluta tal-klabbs jesperjenzaw problemi finanzjarji, u l-piz finanzjarju fuq klabb żgħir bħal Kalkara jinħass aktar, kif stqarret ma’ Net Sports il-President tal-klabb Drusilla Mizzi.

“Hija naqra problema u. Qabel forsi sponsors ma kinux daqshekk problema imma llum il-ġurnata iva saret problema kbira. Il-finanzi trid taħdem għalihom għax jekk ma taħdimx għalihom mhux se jiġu mix-xejn. U iva nsibu problema kbira anki biex tħallas qaddiefa,” qalet il-President tal-klabb.

Sfortunatament għalihom huma mhux se jieħdu sehem fit-tellieqa tan-nisa bil-Frejgatina minħabba li weġġgħet waħda mill-qaddiefa. Is-sena l-oħra l-Kalkara kienet spiċċat fl-ewwel post ma’ Bormla f’din it-tellieqa li din is-sena se jieħdu sehem fiha erba’ timijiet.