Futbol Sport

FILMAT: Nwoko fl-attakk ta’ Malta u ċans tajjeb ta’ debutt mal-ewwel ħdax għal Vella ta’ Hibernians

Christian Micallef minn Oslo, in-Norveġja bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi Restaurant, JetFreight Limited u Lanutti kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta

Diffiċli biex wieħed ibassar il-formazzjoni qabel kwalunkwé partita internazzjonali iżda mis-sitwazzjoni li għandu quddiemu l-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia, wieħed jistenna li jara xi tibdil mill-aħħar formazzjoni inizjali li lagħbna u konna tlifna f’Ta’ Qali kontra r-Rummanija f’Ġunju li għadda.

Joseph Zerafa, Luke Gambin u Alfred Effiong mistennija jkunu relegati għal fuq il-bank tar-riservi, b’Farrugia jaf jikkonsidra alternattivi oħra u ġodda għal kontra n-Norveġiżi.

F’Ullevaal Stadion, illejla Farrugia jaf imur għal sistema tattika ta’ 3-4-3 li effettivament tinbidel matul il-konfront għal 5-4-1. B’ċertezza, bejn il-lasti wieħed jistenna li jerġa’ jara lill-gowlkiper ta’ Valletta, Henry Bonello filwaqt li fid-difiża għandu jkun hemm tliet difensuri ċentrali. Dawn huma Steve Borg ta’ Valletta, captain Andrei Agius ta’ Hibernians u l-akkwist il-ġdid ta’ Olhanense fit-Tielet Diviżjoni Portugiża, Zach Muscat.

B’sistema ta’ 3-4-3, l-irwol tal-wing-backs ikun kruċjali u determinanti. L-għażla f’dawn iż-żewġ posizzjonijiet mistennija taqa’ fuq żewġ plejers enerġetiċi u żgħażagħ ta’ 22 sena, Juan Corbalan u Joseph Mbong ta’ Gżira United u Hibernians rispettivament.

F’nofs il-grawnd, anke jekk il-midfielder ta’ 26 sena, Luke Gambin għaddej minn mument pożittiv mal-klabb tiegħu tal-League Two fl-Ingilterra Colchester United, illejla jaf ma jkunx fost il-preferenzi inizjali ta’ Farrugia, għalkemm f’dak il-każ ikun aktar probabbli li jidħol f’xi ħin waqt il-logħba.

Il-captain ta’ Balzan, Paul Fenech mistenni jerġa’ jkun għażla awtomatika fl-iskwadra inizjali tal-lejla iżda maġemb tiegħu jista’ jkollu debuttant fl-iskwadra inizjali; Dunstan Vella ta’ Hibernians li għad għandu biss 23 sena. Sal-lum Vella lagħab biss ftit minuti fil-partita ta’ ħbiberija ta’ madwar sena ilu, kontra Georgia.

Fl-attakk, l-alternattivi ta’ Farrugia jistgħu jkunu bosta, iżda hu kważi ċert li l-attakkant ta’ Valletta, Kyrian Nwoko se jkun l-punta prinċipali tat-tim, filwaqt li maġembu jkun hemm jgħinuh Jake Grech, Jean Paul Farrugia jew Rowen Muscat. Dan tal-aħħar ilejla jaf ikollu rwol kemxejn differenti minn tas-soltu, u jkun sagrifikat f’irwol aktar offensiv milli normalment jilgħab.

Fl-għażla finali ta’ qabel il-partita, fost oħrajn, tibqa’ inċerta min se jibda fl-irwol ta’ midfielder offensiv, jekk mhux Grech jew Farrugia ta’ Hibernians u Sliema Wanderers rispettivament, b’Grech soffra daqqa ħafifa waqt is-sessjoni ta’ taħriġ tal-bieraħ filgħaxija u kemm il-darba ma jirkuprax fil-ħin, Farrugia jaf jerġa’ jkun mogħti fiduċja massima biex jibda sa mill-ewwel minuta bil-flokk tat-tim nazzjonali. Alternattiva oħra fl-attakk taf tkun Alfred Effiong madankollu jidher improbabli li llejla jibda mill-bidu ma’ Malta.