Sentiment ta’ frustrazzjoni qawwija għall-mod kif qed jimxi l-Gvern – is-sidien huma assulutament kontra l-liġi l-ġdida li tressqet – huma stess se jispiċċaw darhom mal-ħajt wara l-investiment qawwi li għamlu tul is-snin – u min jikri se jispiċċa jbati wkoll.
F’laqgħa li saret mas-sidien ta’ proprjetajiet residenzjali, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti għamilha ċara li l-MDA ma taqbilx mal-proposta fil-liġi l-ġdida tal-kera li l-Gvern jintervjeni f’kuntratt privat bejn il-kerrej u l-inkwilin. Hu lmenta li l-liġi l-ġdida ma tagħmilx distinzjoni bejn proprejatajiet komuni u proprjetajiet lussużi.
Apparti dan, il-liġi l-ġdida tagħti poter lill-Awtorità tad-Djar taqbad u tidħol fi propjeta’ privata biex tispezzjona – u għalhekk qed tingħata saħħa saħansitra akbar mill-Pulizija, filwaqt li l-Gvern ikollu kontroll assolut fuq is-sidien. Dan hu punt illi waqt il-laqgħa mal-MDA gab għadab kbir minn dawk preżenti.
Ftit tal-jiem ilu anke l-imprenditur Reginald Fava insista li l-Gvern qed jikser il-Kostituzzjoni meta jagħti l-poter liċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar jew xi ħadd nominat minnu li jidħol fi kwalunkwe fond privat biex jispezzjona, jieħu ritratti u jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex jaqdi dmiru.
Intant, waqt il-laqgħa tal-Ħamis, il-President tal-MDA appella lill-Gvern biex ibiddel il-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 għax qal li hemm sentenzi tal-Qrati, anki Ewropej, li ddikjaraw li din il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni.
Chetcuti qal li l-MDA lesta taqbel mal-liġi l-ġdida tal-kera jekk jintlaqgħu emendi li qed tipproponi l-Assoċjazzjoni.
Dwar dan il-Partit Nazzjonalista tkellem bosta drabi fejn sostna li hemm il-ħtieġa li l-liġi tkun emendata u terġa’ ssir mill-ġdid. Il-PN qed jinsisti li l-liġi l-ġdida għandha tħares kemm lejn il-bzonnijiet tal-inkwilin u anke dawk tal-kerrej.
//= $special ?>