Aħwa Rumeni ta’ 19 u 21 sena rispettivament ġew arrestati mill-Pulizija wara li tfittxija fil-vann li kienu se jniżżlu f’pajjiżna minn Pozzallo nstab mgħobbi bid-droga.
Jidher li l-arrest sar wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Pulizija f’pajjiżna, li kellhom informazzjoni li l-aħwa kienu qed iġibu d-droga lejn Malta.
Jirriżulta li l-Pulizija kienu nfurmati li raġel, aktarx Malti, kien se jħalli vann ipparkjat għalihom fil-Qawra biex jiġbruħ u jitilqu minn Malta.
Filfatt dan seħħ, bir-Rumeni jmorru lejn Spanja fejn saru modifikazzjonijiet fil-vann biex sarlu qiegħ vojt. Jidher li kien hawn li taħt dan il-qiegħ tpoġġiet mal-31 kilogramma ta’ raża tal-kannabis.
Minn Spanja, jidher li r-Rumeni għaddew lejn Franza u l-Italja sakemm waslu Pozzallo, fi Sqallija u bdew l-aħħar vjaġġ lejn Malta, fejn sabu l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga lesti għalihom.
Kien għall-ħabta tal-11.30 tal-lejl li għadda li saret tfittxija fil-vann tagħhom u nstabet id-droga, bir-Rumeni jiġu arrestati fil-post.
Ir-Rumeni qed jiċħdu l-involviment tagħhom u mal-Pulizija ddikjaraw biss li tħallsu eluf ta’ ewro biex isuqu l-vann. Madankollu qalu li ma kinux jafu x’kien fih u qatt ma kellhom kuntatt mad-droga jew imqar rawha.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta li qed titmexxa’ mill-Maġistrat Victor Axiaq, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija jkomplu.
Iż-żewġ żgħażagħ Rumeni mistenni jitressqu l-Qorti l-Ġimgħa.
//= $special ?>