Formula 1 Sport

Iċ-ċirkwit ta’ Monza se jibqa’ uffiċjalment fil-kalendarju tal-Formula 1

Il-Grand Prix tal-Italja se tibqa’ uffiċjalment fil-kalendarju tal-Formula tal-anqas sal-2024 wara li ġie ffirmat kuntratt ġdid ta’ ħames snin. Fl-aħħar xhur kien hemm diġà ftehim fil-prinċipju iżda l-aħbar uffiċjali saret fil-ġimgħa tal-Grand Prix ta’ Monza, ftehim li tħabbar waqt attività għall-partitarji fi Piazza Duomo f’Milan biex jiġi ċċelebrat id-90 sena anniversarju ta’ Ferrari.

Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li Monza hu wieħed mill-erba’ ċirkwiti li kienu parti mill-ewwel kampjonat fl-1950 u flimkien mal-Grand Prix tar-Renju Unit, huma l-uniċi li saru f’kull kampjonat minn dakinhar. “L-istorja, il-veloċità u l-passjoni huma kliem li l-partitarji tal-motorsport jassoċjaw ma’ Monza,” qal Carey.

Monza li tinsab fuq in-naħa ta’ barra ta’ Milan, hu l-aktar ċirkwit li ospita tlielaq tal-Formula 1 minn meta beda l-kampjonat fl-1950. Din l-aħbar ifisser li ċ-ċirkwiti kollha li jinsabu fil-kalendarju rekord ta’ 22 tellieqa għas-sena d-dieħla kollha għandhom kuntratt.

L-istaġun tas-sena d-dieħla jibda fl-Awstralja fil-15 ta’ Marzu u jispiċċa fid-29 ta’ Novembru f’Abu Dhabi u jonqos biss il-konferma uffiċjali mill-FIA. Il-kalendarju tal-2020 jinkludi tellieqa ġdida fil-Vjetnam filwaqt li se jirritorna ċ-ċirkwit ta’ Zandvoort fl-Olanda. It-tiġdid tal-kuntratt ta’ Monza isegwi kuntratti ġodda simili għaċ-ċirkwiti tal-Awstralja, Spanja, l-Ażerbajġan, ir-Renju Unit u l-Messiku.

Tags