Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern ikaxkar saqajh dwar il-futur tal-Malti

Fuq l-għatba ta’ sena skolastika ġdida, il-Gvern nieda konsultazzjoni dwar it-tagħlim tal-lingwa Maltija bħala lingwa barranija.

Fil-fatt, il-Ħamis ġie mniedi ktejjeb bi proposti sabiex il-Malti jkun mgħallem bħala lingwa barranija. U meta l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ġie affaċjat mill-ġurnalisti b’diversi mistoqsijiet rigward dawn il-proposti, hu deher biċ-ċar li ma kienx jaf x’fih il-ktieb mgħoti lilu. Dan filwaqt li rappreżentati oħra tal-Ministeru ma kienux jafu jwieġbu mistoqsijiet sempliċi dwar dan il-proġett edukattiv li nieda l-Gvern.

Meta tqajmet mistoqsija dwar jekk l-istudenti Maltin hux se jkunu qed jitgħallmu l-ilsien Malti bħala lingwa barranija, ħadd ma kien kapaċi jwieġeb. Għalkemm aktar tard din kienet iċċarata mill-Ministru meta tkellem ma’ xi ġurnalisti b’mod individwali.

Il-President tal-Kumitat ta’ ħidma dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija, il-Professur Antoinette Camilleri Grima qalet li d-dokument hu msejjes fuq ir-realtà fl-iskejjel, li qiegħda dejjem tinbidel, bi studenti barranin li qed jidħlu fis-sistemà edukattiva fi snin aktar avvanzati.

Fl-aħħar xhur kien hemm diversi edukaturi u professjonisti, bħall-awtru Trevor Zahra, illi wissew b’serjetà kbira dwar il-mod kif qed isiru l-affarijiet u l-biża’ li nitilfu l-lingwa Maltija.

L-eks Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Bernard Micallef kien qal li pajjiżna se jkun qed “imur lura fl-istorja għal żmien il-kwistjoni tal-lingwa” jekk mhux se jsir xejn biex din il-problema tiġi indirizzata minnufih. Anke l-istess Dipartiment tal-Malti kien esprima tħassib.