Lokali

Il-President ta’ Malta jirrikonoxxi lil Missier il-Ktieb Malti

“Pawlu Mizzi huwa persuna li ħalla rispett kbir f’pajjiżna permezz ta’ xogħolu.”

Kien dan kliem il-President ta’ Malta, George Vella waqt laqgħa mal-qraba ta’ Pawlu Mizzi, magħruf ma’ ħafna bħala missier il-ktieb Malti.

Pawlu Mizzi, il-fundatur ta’ Klabb Kotba Maltin u Midsea Publications, kien deskritt minn martu u wliedu bħala persuna li sal-aħħar nifs ta’ ħajtu ħadem favur pajjiżu u l-ilsien Malti.

Net News tkellem ma’ Joe Mizzi, iben Pawlu Mizzi fejn qalilna xi jfisser għalih li xogħol missieru jiġi rikonoxxut mill-President ta’ Malta.

Minħabba li Pawlu Mizzi qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu marid Joe Mizzi ddeċieda li jieħu l-irwol ta’ missieru.

Hu kompla jgħidilna li se jaħdem wara l-passi ta’ missieru biex dak li beda ma jintilifx fix-xejn.

Fl-aħħar, Joe Mizzi qalilna kif jixtieq li jara l-futur tal-lingwa Maltija.

Il-memorja ta’ Pawlu Mizzi issa tinsab ukoll fil-Librerija tal-Palazz tal-President ta’ Malta ġewwa San Anton flimkien ma’ diversi kotba Maltin li joffru storja twila ta’ pajjiżna. Dan hekk kif il-President ta’ Malta ġie ppreżentat bil-kotba miktuba minn Pawlu Mizzi, fosthom it-teżi tiegħu stess.