Lokali

Il-Pride March fl-14 ta’ Settembru

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Pride Week m’humiex biss għal min irnexxielu, iżda hi tifkira wkoll għal min għadu marġinalizzat, min għadu qed isofri minn diskriminazzjoni u min mhux aċċettat għal dak li hu.

Fid-diskors tagħha waqt il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Pride Week, id-Deputat Speaker u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Claudette Buttigieg fakkret li fl-2013, Abbozz tal-liġi Privat imressaq minnha kien biddel il-Kostituzzjoni sabiex diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali bħala ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Hi qalet li hu għalxejn li jinbidlu l-liġijiet jekk ma tinbidilx il-mentalita’. Filwaqt li l-liġijiet inbidlu u l-mentalita’ qed tinbidel, Claudette Buttigieg qalet li għad hawn min għadu qed isofri diskriminazzjoni.

Claudette Buttigieg fakkret li  kien hemm min neħħa ħajtu u min weġġa’ lilu nnifsu għaliex ma’ felħux iktar għal marġinalizzazzjoni. Hemm bżonn li jkun hemm iktar kuxjenza dwar is-servizzi ta’ appoġġ li hemm preżenti.

Meta xi ħadd iċedi, is-soċjeta’ kollha tkun falliet.

L-attivitajiet, organizzati minn Allied Rainbow Communities, jinkludu parties, kunċerti, diskussjonijiet u attivitajiet oħrajn. Il-Qofol tal-attivitajiet jintlaħaq fil-Pride March is-Sibt 14 ta’ Settembru li jibda mill-Fosos tal-Furjana u jispiċċa b’kunċert fi Pjazza San Ġorġ.

Il-programm sħiħ jinsab fuq is-sit gaymalta.com u fuq il-paġna Malta Pride fuq Facebook.