Futbol Sport

In-Nordiċi jieħdu rebħa mingħajr wisq tbatija

(Ritratt: Domenic Aquilina)
L-avversarji ddominawna fil-pussess u stajna biss nilqgħu għall-pressjoni kontinwa

Christian Micallef jirrapporta min Oslo, bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi, JetFreight Limited u Lanutti kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta

NORVEĠJA……………………… 2 MALTA………………………… 0

Norveġja: R. Jarstein, H. Alessami, E. Hovland, H. Nordtveit, J. King (B. Johnsen 58’), S. Johansen (M. Normann 75’), O. Elabdellaoui, S. Berge, O. Selnaes, M. Odegaard, E. Braut Halanad (T. Elyounoussi 66’)

Malta: H. Bonello, S. Borg, A. Agius, Z. Muscat (F. Apap 20’), J. Corbalan, P. Fenech (J.P. Farrugia 64’), D. Vella, J. Mbong, R. Muscat, J. Grech, (A. Effiong 76’), K. Nwoko

Imwissija: J. King 32’ (N), K. Nwoko 45’ (M)

Skorjaw: S. Berge 33’, J. King 45’ pen (N)

Referee: Dumitri Muntean (Moldova)

Fl-Ullevaal Stadion kien hemm tim wieħed biss li amministra l-partita. Kif kien mistenni, Malta kellha partita diffiċli kontra n-Norveġja u tul il-partita kollha l-avversarji tagħna rari tawna ċans biex immexxu l-ballun u nippruvaw noħolqu xi ħaġa. L-istrateġija tal-Maltin kienet waħda, dik li nżommu l-ballun ‘il bogħod kemm jista’ jkun mil-lasti ta’ Henry Bonello.

Minkejja li r-riżultat finali jaf jagħti indikazzjoni li kienet logħba pożittiva għall-Maltin, fil-veritá Malta naqset milli timpressjona u tul id-90 minuta kienet biss reattiva mingħajr wisq effett fuq l-avversarji. L-aħjar tan-Norveġja kien fl-ewwel taqsima, u malli rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ żewġ gowls fuq il-Maltin huma naqsu kemmxejn il-pressjoni li bdew biha fil-logħba.

Ray Farrugia wettaq tliet bidliet mill-aħħar formazzjoni li biha tlifna kontra r-Rumanija f’Ġunju li għadda. Ma bdewx il-partita Joseph Zerafa, Luke Gambin u Alfred Effiong biex minflok bdew mal-ewwel ħdax Jake Grech, Dunstan Vella u Kyrian Nwoko.

Id-debuttant Vella, li qabel ilbieraħ lagħab biss ftit minuti f’partita ta’ ħbiberija, kellu konfront tajjeb. Madankollu kieku kelli nagħżel l-aħjar tal-Maltin, l-għażliet tiegħi jkunu Bonello, id-difensuri Steve Borg u Andrei Agius, kif ukoll iż-żagħżugħ attakkant Kyrian Nwoko.

Id-deċizjoni ta’ Farrugia li jilgħab lil Rowen Muscat f’rwol aktar offensiv, ftit li xejn ħalliet il-frott mixtieq hekk kif stajna utilizzajna aktar l-kapaċitá ta’ dan il-plejer fl-irwol tipiku tiegħu.

Għan-Norveġja spikka t-talent ta’ 20 sena Martin Odegaard. Dan hu plejer li jinsab fuq il-kotba ta’ Real Madrid, u żgur se jkun wieħed mill-kbar tal-futbol internazzjonali fiż-żmien qasir.

Sa mill-ewwel minuta n-Norveġja ħarġu b’aggressivitá kbira u b’tempo għoli impost fuq il-Maltin. Viċin il-kwarta logħob, Malta tilfet lil wieħed mit-tliet difensuri ċentrali, Zach Muscat li sofra daqqa f’daħla sfortunata mal-gowlkiper kollega tiegħu stess, Bonello. Għaldaqstant il-kowċ Farrugia kien kostrett li jagħmel l-ewwel bidla u daħħal lill-Għawdxi ta’ Hibernians Ferdinando Apap minflok Muscat.

Mat-22 minuta logħob, l-avversarji tilfu ċans tajjeb li jiftħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner, Even Hovland tħalla żmarkat iżda bir-ras xeħet barra. Sitt minuti wara, f’azzjoni rari għall-Maltin, irnexxilna nirbħu korner grazzi għall-persistenza ta’ Rowen Muscat u mis-set-piece, il-captain Agius prova konklużjoni li għaddiet għoli mil-lasti tal-gowlkiper ta’ Hertha fil-Ġermanja, Rune Jarstein.

Fit-33 minuta n-Norveġja skorjat. Kienet azzjoni ta’ throw-in fit-tul lejn il-kaxxa, Hovland ta bl-lura bir-ras lejn in-nofs, u SANDER BERGE daħal tajjeb biex bir-ras ikkonkluda għal ġewwa u xeħet wara Bonello għall-gowl tal-vantaġġ.

Tmieni minuti wara Henry Bonello kien determinanti meta minn konklużjoni minn fuq ix-xellug tiegħu tal-captain Stefan Johansen, hu rnexxielu jmiss il-ballun biżżejjed biex idawwar f’korner, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel mar barra.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, in-Norveġja tirbaħ penalty li ġustament kien mogħti mir-referee Modolvan, wara li Kyrian Nwoko waqqa’ lil Hovland fil-kaxxa. Minn quddiem Bonello, l-attakkant ta’ 27 sena u li jilgħab fil-Premier League Ingliż, JOSHUA KING ma żbaljax biex għamel l-iskor 2-0.

Żewġ minuti mal-bidu tat-tieni taqsima, Martin Odegaard kellu konklużjoni bir-ras salvata b’mod tajjeb minn Bonello, hekk kif fit-tieni 45 minuta tal-partita, in-Norveġja kompliet fejn ħalliet fl-ewwel nofs tal-logħba.

In-Norveġja kompliet tagħfas għat-tielet gowl meta fit-52 minuta, King xeħet bir-ras lejn il-lasta, Bonello ma ħatafx iżda l-ballun għadda barra. Erba’ minuti wara Malta kellha azzjoni li kienet maħdma tajba meta Paul Fenech għamel spazju għal Jake Grech li mill-ġemb prova jkompli għall-ġewwa iżda l-konklużjoni tiegħu kienet imbiegħda mid-difiża avversarja.

Sitt minuti mit-tmiem tad-90 minuta, is-sostitut Tarik Elyounoussi kkonkluda ftit barra b’azzjoni minn fuq ix-xellug ta’ Bonello. Qabel tmiem il-partita, Odeggard kellu konklużjoni minn barra l-kaxxa li għaddiet ftit barra.

Ir-riżultat finali fisser l-ewwel rebħa għan-Norveġja f’darhom f’din il-kompetizzjoni, hekk kif fiż-żewġ partiti ta’ qabel huma temmew draw. Malta issa tħares lejn il-partita ta’ nhar il-Ħadd li ġej kontra r-Rumanija, barra minn xtutna.