Internazzjonali

L-Afganistan: Għaxra maqtula minn karozza-bomba oħra f’Kabul

Splużjoni ta’ karozza-bomba qatlet talanqas għaxra fil-qalba ta’ Kabul, b’talanqas 40 jisfaw midruba. L-attakk seħħ viċin checkpoint tas-sigurtà ġo zona ‘protetta’ tal-kapitali li tinsab viċin l-ambaxxati u l-bini tal-Gvern.

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ħadu responsabbiltà għal dan l-attakk meta Kabul jinsab f’morsa ta’ vjolenza li tidher li żdiedet mindu l-Istati Uniti u t-Taliban waslu fi ftehim fi prinċipju biex tintemm il-gwerra fl-Afganistan. Dan meta, bħala parti mill-ftehim, l-Istati Uniti għandha tirtira ‘il fuq minn 5,000 suldat mill-Afganistan f’perjodu ta’ 20 ġimgħa.

Intant, l-isplużjoni tallum – li ħalliet il-vittmi ċivili – saret fi triq qrib l-Uffiċċju tan-NATO u l-Ambaxxata Amerikana fiz-Zona l-Ħadra (fortifikata) ta’ Kabul, u bir-riżultat li nqerdu diversi karozzi u ħwienet.

It-Taliban, wara, qal li l-ġellieda tiegħu ‘kienu qed jimmiraw għal konvoj ta’ qawwiet barranin’, iżda kelliema għall-Ministeru tal-Intern Afgan wieġbu li l-maqtula kienu ‘kollha ċivili’.

Aktar qabel, din il-ġimgħa, trakk-bomba kienet splodiet qrib kumpless għall-barranin f’Kabul u f’liema splużjoni kienu mietu sittax, b’aktar minn mija jisfaw midruba.

It-Taliban kien ħa responsabbiltà anki għal dan l-attakk, meta l-vjolenza qed iżżid l-inkwiet li n-negozjati bejn l-Istati Uniti u t-Taliban mhumiex se jikkonkludu ċ-ċiklu tad-dmija, minn ġurnata għall-oħra, fl-Afganistan u l-impatt terribbli għall-poplu ċivili.