Lokali

L-anzjani hum​a teżor tal-valur, il-memorji u l-esperjenzi li rridu ngħadduhom lil uliedna – Adrian Delia

Għandu jiġi rikonoxxut il-valuri tal-anzjani fis-soċjetà. Irridu soċjetà li tħares lill-anzjani bl-akbar dinjità. L-anzjani huma teżor tal-valur, il-memorji u l-esperjenzi li rridu ngħadduhom lil uliedna.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta l-Ħamis  filgħodu żar u ltaqa’ ma anzjani u haddiema fir-Residenza San Vinċenz De Paule.

Il-Kap tal-PN spjega kif hemm bosta anzjani li qed jesperjenzaw is-solitudni. Għall-PN din hi prijorità b’kelliem dedikat għal dan il-qasam, qal Adrian Delia.

Sostna li l-Gvern ma jistax jibqa’ jħares lejn l-anzjani bħala piż fuq is-soċjeta’ u daqstant ieħor inġust kumment li kien għamel Joseph Muscat meta qal li biex l-anzjani jkollhom pensjoni, wara li jkunu ilhom għomorhom kollu jaħdmu, rridu nibqgħu nġibu l-ħaddiema barranin.

Dan mhux ġust. Anke l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti kienet stqarret li l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin mhix soluzzjoni sostenibbli u fit-tul, għaliex kif jieqaf it-tkabbir ekonomiku l-ewwel li jitilqu jkunu l-ħaddiema barranin. Dwar l-għoli tal-ħajja, pjaga dejjem tikber fuq l-anzjani, Adrian Delia qal li l-Gvern, flok jara li jsaħħaħ il-pensjonijiet u jagħmilhom aktar adekwati f’ċirkostanzi fejn il-ħajja qed togħla bla kontroll, qiegħed jgħid lill-anzjani biex jiddejnu sabiex imbagħad iħallsu wliedhom, u jekk dawn ma jħallsux il-propjetà tal-anzjani flok ma tgħaddi lill-werrieta tagħmel tajjeb għall-Gvern. Dan huwa Gvern li tilef kull sens ta’ ġustizzja soċjali u li ma jimpurtaħx min-nies vulnerabbli.

Adrian Delia qal li l-PN qed ikompli jkun il-vuci tal-anzjani u dan qed jagħmlu fl-laqgħat kostanti u jisma’ l-istakeholders inkluż l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti kif ukoll Nanniet Malta li bosta huma anzjani.

Il-Kap tal-PN saħaq li anke l-anzjani li għandhom pensjoni ‘diċenti’ għandhom diffikultajiet għaliex hu inutli li l-anzjani jiżdiedu bi ftit ewros jekk dawn ikunu diġà meħuda qabel jriċeviehom.

Ċifri tal-NSO juru li dawk ta’ aktar minn 65 sena huma aktar vulnerabbli għal riskju ta’ faqar.

20132018
20.9 %26.765+ years at risk of poverty
14,105 people22,541 people

 F’Marzu il-Gvern ħabbar skema biex pensjonanti jissellfu l-flus billi jitfgħu d-dar tagħhom bħala garanzija. Dan huwa att iddisprat ta’ Gvern li flok ma jipprova jindirizza l-problema reali tal-inadekwatezza tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijet billi jirrevedi s-sistema, qed ikompli jitfa’ l-piż fuq il-pensjonanti u l-werrieta tagħhom, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN sellem u rringrazzja lill-ħaddiema u l-professjonisti fir-Residenza San Vinċenz de Paule tal-impenn tagħhom lejn l-anzjani u qal li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jixirqilhom kundizzjonijiet tax-xogħol ferm aħjar għax dawn qed jagħtu kontribut imprezzabbli lil pajjiżna.

Takkumpanja lill-Kap tal Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm ukoll il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Deguara.