Internazzjonali

L-Istati Uniti ġġarrab il-qilla tal-Uragan Dorian…bil-Bahamas jagħmel il-kalkoli tal-qerda

L-Uragan Dorian mistenni jqanqal mewġa ta’ maltempati ta’ potenzjal qattiel tul iz-zoni tal-east coast tal-Istati Uniti – u wara li ħalla ‘baħar ta’ qerda’ u talanqas 20 mejtin fil-Gżejjer Bahamas.

Għalkemm, fl-aħħar sigħat, niżel sa ‘kategorija tlieta ( minn ħamsa)’ l-uragan, issa, qed jassedja l-kosta tal-Carolinas waqt li javvanza lejn it-Tramuntana tal-Istati Uniti. L-aħħar rapporti, intant, qalu li għexieren ta’ eluf ta’ nies spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl b’kaġun tal-elementi.

Dan waqt li r-residenti tal-komunitajiet f’numru ta’ Stati Amerikani – minn Georgia sa Virginia – kienu mwissija biex jibqgħu attenti għal kwalunkwe bullettini ta’ emerġenza li setgħu joħorġu minn ħin għall-ieħor.

L-Uragan Dorian qed jiġġenera l-irwiefen ta’ 185 kilometru fis-siegħa li baq għu fuq livell ‘sostenibbli’.

Fl-1 ta’ Settembru, ‘Dorian’ kien laqat il-Bahamas b’irwiefen ta’ veloċità rari u li kienu l-agħar qatt irreġistrati ‘fuq l-art’. L-elementi tal-maltemp, intant, ħallew straġi sħiħa fil-Gżejjer Abaco u fi Grand Bahama, lejn in-naħa ta’ fuq tal-arċipelago.

Il-Prim Ministru tal-Bahamas, Hubert Minnis, qal li l-maltemp ta’ ‘Dorian’ wassal għal ‘waħda mill-akbar kriżi nazzjonali fl-istorja tal-gżejjer’, bl-awtoritajiet qegħdin jistennew qabża fiċ-ċifri tal-vittmi mill-uragan.

Wara li t-Tramuntana tal-Bahamas ġarrbet l-agħar impatt tal-Uragan Dorian, l-osservaturi sostnew it-twemmin li l-impenn umanitarju, fil-jiem li ġejjin, għandu jilħaq ‘l-aktar livelli akuti’ f’dawk l-inħawi.

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-Bahamas qal li mietu madwar 17 fil-Gżejjer Abaco, bi tlieta oħra jitilfu ħajjithom fuq Grand Bahama. Intant, l-iskwadri tas-salvataġġ qegħdin ifittxu qalb iz-zoni straxxnati mill-maltemp fejn qed jistennew li jirkupraw aktar katavri.

L-aħħar rapporti qalu li l-maltemp minn ‘Dorian’ kien qed jikkonċentra fuq l-inħawi lejn ix-xlokk ta’ Charleston (fl-Istati Uniti) waqt li miexi aktar ‘il fuq b’rata sinfikanti.

Filwaqt li ċ-ċentru ta’ Charleston spiċċa mifqugħ mill-għargħar, l-Istat ta’ South Carolina qed jistenna ‘spinta rekord ta’ maltemp’ u jidher diġà li qed ibati mill-effetti tal-uragan. Dan waqt li ‘Dorian’ mistenni jolqot il-kosta ta’ North Carolina matul il-lejl.