L-Italja tħabtet aktar milli mistenni iżda finalment ħadet ir-rebħa li riedet kontra l-Armenja 3-1 biex b’hekk kompliet tersaq lejn post awtomatiku fl-edizzjoni li jmiss tal-Kampjonat Ewropew. Din kienet l-ewwel darba minn Frar tal-2008 li l-Italja rebħet sitt konfronti konsekuttivi. Il-prestazzjoni tat-Taljani ma kinitx brillanti speċjalment fil-kundizzjoni fiżika tagħhom iżda għat-tieni darba f’dan il-grupp irkupraw minn gowl minn taħt u rebħu t-tliet punti. Fl-istess ħin huma skorjaw tliet gowls fit-tliet logħbiet barra minn darhom.
It-tim Taljan beda l-logħba fuq nota negattiva hekk kif l-Armenja marret fil-vantaġġ wara 11-il minuta meta ALEXANDER KARAPETIAN ħa vantaġġ minn żball ta’ Nicolò Barella, avvanza u għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’xutt fil-baxx għar-rokna. It-tim ta’ Roberto Mancini ġab id-draw fit-28 minuta b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ Emerson li tefa’ kross fuq it-tieni lasta lejn l-iżmarkat ANDREA BELOTTI li mattar saqajh biex għeleb lil Aram Hayrapetyan.
L-Armenja spiċċat l-ewwel taqsima b’raġel anqas wara li tkeċċa Alexander Karapetian, deċiżjoni li qajmet protesti mill-Armeni. L-Italja sabitha diffiċli biex tinfed lid-difiża avversarja u kellu jkun fit-78 minuta li t-Taljani marru fil-vantaġġ. Kien kross mil-lemin ta’ Leonardo Bonucci fil-kaxxa lejn LORENZO PELLEGRINI li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Hayrapetyan u skorja l-ewwel gowl tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan. Huma għalqu l-logħba tliet minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Andrea Belotti li ħabat mal-wieqfa u ma’ dahar Hayrapetyan u daħal fix-xibka.
Ir-riżultati kollha
Grupp D: Ġibiltà v Danimarka 0-6, Irlanda v Żvizzera 1-1
Grupp F: Gżejjer Faroe v Żvezja 0-4, Norveġja v Malta 2-0, Rumanija v Spanja 1-2
Grupp Ġ: Iżrael v Maċedonja ta’ Fuq 1-1
Grupp J: Armenja v Italja 1-3, Bożnija v Liechtenstein 5-0, Finlandja v Greċja 1-0
//= $special ?>