Lokali Saħħa

L-MUMN tibqa’ tgawdi l-maġġoranza assoluta tal-Fiżjoterapisti

Il-Malta Union of Midwives & Nurses tilqa’ b’sodisfazjon kbir ir-rapport tad-Direttur tax-Xogħol fejn ikkonfermat li l-MUMN baqgħet tgawdi l-maġġoranza assoluta tal-fiżjoterapisti impjegati mas-servizz pubbliku fejn l-MUMN qed tgawdi 60% ta’ dawn il-professjonisti filwaqt li union oħra għandha biss 14%.

Fi stqarrija l-MUM qalet li issa li ħareġ dan ir-riżultat ferm pożittiv għalihom, m’hemm xejn xi jżomm lill-Gvern milli jikkonferma lill-MUMN bl-għarfien ewlieni tal-fiżjoterapisti. B’hekk il-Gvern ikun qed jikkonferma dak li emmen fih tlett snin ilu, jiġifieri fil-libertà tal-assoċjazzjoni u r-rappreżentazzjoni, meta rrikonoxxa lill-MUMN bħala l-union li tgawdi l-għarfien ewlieni ta’ dawn l-istess professjonisti.

B’dan l-eżercizzju, li bdieh il-Gvern fuq talba ta’ union oħra, waqqfu ħesrem in-negozjati li kienu għaddejin bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-MUMN sabiex jigi ffirmat ftehim settorali ġdid għall-fiżjoterapisti. Issa li r-rapport tad-Direttur tax-Xogħol ġie ppubblikat, l-MUMN kitbet lill-Gvern fejn ħeġġitu biex jikkomunika l-għarfien ewlieni tal-fiżjoterapisti lill-MUMN biex b’hekk jiġi konkluż mingħajr aktar dewmien dan il-ftehim settorali.

Fi starrrija l-MUM infurmat lill-Gvern li jekk ma jagħmilx dan sa nhar it-Tnejn 9 ta’ Settembru, il-fiżjoterapisti impjegati mal-Gvern se jibdew isegwu Direttivi Industrijali b’effet mill-10 ta’ Settembru mifruxin mal-pajjiż kollu.

Għaldaqstant l-MUMN tispera li s-sens komun jipprevali u b’hekk jiġu evitati dawn id-Direttivi Industrijali.