Lokali

L-Oppożizzjoni se tressaq il-proposti tagħha biex titjieb ir-regolazzjo​ni fuq l-e-scooters

L-Oppożizzjoni tilqa’ l-fatt li fl-aħħar il-Gvern iddeċieda li jirregolarizza l-użu tal-e-scooters. Dan hu fl-interess tal-utenti u min juża t-toroq u pass ‘il quddiem favur aktar sigurtà fuq it-toroq. Minkejja dan, l-Oppożizzjoni tinnota numru ta’ limitazzjonijiet.

  1. L-E-scooters  mhux ħa jkunu jistgħu jintużaw f’toroq arterjali. Dan ifisser li f’każijiet fejn hemm cycle lanes, inkluż f’toroq li għadhom kemm twessaw, l-e-scooters mhux ħa jkunu jistgħu jintużaw. B’sigurta’ tajba, dawn l-E-scooters jistgħu jintużaw għal traġitti aktar fit-tul u l-effett tagħhom ikun tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.
  2. Hemm bżonn ta’ aktar inċentivi sabiex l-E-scooters jintużaw fil-qalba tal-ibliet u l-irħula Maltin – b’hekk tonqos il-pressjoni ta’ karozzi u traffiku f’dawn iż-żoni.
  3. Filwaqt li għal mutur 125cc tħallas €10 liċenzja, l-E-Scooter li għandu anqas saħħa trid tħallaslu liċenzja ta’ €25.

L-Oppożizzjoni tinnota li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed biex jindirizza l-problema tat-traffiku u jinċentiva lin-nies jagħmlu użu minn metodi differenti flok il-karozza, u li jħammġu anqas. Dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ pjanar fit-tul, bħal f’ħafna oqsma oħra f’pajjiżna.

Għalhekk kif qed jagħmel fl-oqsma kollha f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista qed u se jkompli jressaq proposti li, fit-tul, huma aktar sostenibbli, ta’ konvenjent għaċ-ċittadini Maltin u bl-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent f’pajjiżna.