Futbol Sport

Lagerbäck jistenna rebħa kontra Malta

(Ritratt: EPA)

Christian Micallef minn Oslo, in-Norveġja bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi Restaurant, JetFreight Limited u Lanutti kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta

L-eks kowċ tal-Iżvezja, Niġerja u l-Iżlanda rispettivament, Lars Lagerbäck jemmen li n-Norveġja għandha tirbaħ kontra Malta. “Dejjem għadna, nirrispettaw lil kwalunkwe avversarju madankollu meta wieħed iħares lejn ir-ranking ta’ Malta, din hija skwadra li għandna nirbħulha speċjalment jekk se nilagħbu f’darna.”

“Qed nistenna partita tajba u li jkollna aktar pussess f’saqajna mill-avversarji. Jeħtieġ li nkunu kkonċentrati u kontinwament moħħna f’dak li qed jiġri għaliex f’partiti bħal dawn hu faċli biex titlef il-punti,” qal il-kowċ ta’ 71 sena. Lagerback faħħar l-atmosfera preżenti li teżisti fl-iskwadra li jmexxi hu. “Fiż-żmien qasir, il-plejers għamlu xogħol tajjeb flimkien u qed iħares b’ottimiżmu lejn din il-partita. Ninsab fiduċjuż,” saħaq il-kowċ ta’ nazzjonalità Żvediża.

In-Nazzjon staqsa lil Lagerbäck dwar x’tip ta’ impostazzjoni tattika se jkollu t-tim tiegħu, la darba n-Norveġja trid tirbaħ bilfors kontra Malta jekk trid tibqa’ taspira fi kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Ewro 2020. Hu qal li se jilagħbu l-logħba li għandhom jilagħbu “iżda kollox jiddependi mill-kwalità li għandu t-tim avversarju, f’dan il-każ Malta.”

“Probabbilment se nkunu aktar aggressivi, ferm iktar milli meta lagħbna kontra Spanja u konna tlifna 2-1. Wiieħed jistenna li l-approċċ tagħna se jkun wieħed differenti għaliex se nkunu qed nilagħbu kontra avversarji bħal Malta però fl-aħħar mill-aħħar se nerġgħu naraw l-istess Norveġja kif dejjem konna fl-aħħar partiti. Sintendi wieħed irid jara kif Malta se tkun qed tilgħab, u naddottaw il-partita tagħna skont l-esiġenzi tattiċi tal-partita,” kompla jgħid Lagerbäck.

In-Norveġja tilfet l-ewwel partita tal-grupp 2-1 kontra Spanja f’Valencia, u wara kellha tikkuntenta b’żewġ draws f’darha stess kontra l-Iżvezja (3-3) u r-Rumanija (2-2). Madankollu fl-aħħar logħba tagħhom, huma rebħu 2-0 Tórsvøllur kontra l-Gżejjer Faroe, b’żewġ gowls li waslu fit-tieni taqsima. Għaldaqstant s’issa, in-Norveġja għadha qed tfittex l-ewwel rebħa tagħha f’pajjiżhom u qed iħarsu li jiksbu l-massimu tal-punti kontra Malta f’Oslo, qabel jitilqu lejn Solna biex jilagħbu kontra l-Iżvezja tal-kowċ Jan Olof Andersson. Għall-partita tal-lejla kontra Malta, in-Norveġiżi se jkollhom il-plejers kollha fl-iskwadra disponibbli.