Lokali

Magħrufa l-40 finalista għall-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza 2019

Ilbieraħ, kienet organizzata l-fażi eliminatorja kemm għall-kanzunetti sottomessi għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll għal dawk sottomessi għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior 2019.

Żewġ ġuriji separati, iffurmati minn 7 membri kull waħda, għażlu l-40 kanzunetta li bejniethom se jkunu qed jikkontestaw fiż-żewġ Serati Finali tal-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza – għoxrin għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior (KKI Jr) u għoxrin oħra għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza (KKI). Żewġ nutara kienu preżenti tul il-proċess kollu tal-fażi eliminatorja sal-pubblikazzjoni tar-riżultati finali.

Il-membri tal-ġurija li ġġudikaw il-fażi eliminatorja tal-KKI Junior kienu Clifford Borg, Charles Casha, Clifford Galea Vella Maslennikov, Miriam Muscat, Lyndsay Pace, Charles Stroud u Mark Laurence Zammit.

Il-membri tal-ġurija li ġġudikaw il-fażi eliminatorja tal-KKI kienu Charles Bellia, Joe S. Grech, Marilena Gauci, Tony Mercieca, Daniel Testa, Joe Vella u Pierre Zammit.

Is-Serati Finali tal-KKI Junior u tal-KKI se jsiru nhar it-18 u d-19 ta’ Settembru, rispettivament, fuq palk armat apposta quddiem il-bini tad-Dar Ċentrali. Iż-żewġ serati se jkunu qed jixxandru live fuq NET TV fit-8:30pm.

Il-KKI Junior se jkun ippreżentat minn Christine Haber u Emma Cutajar filwaqt li l-KKI se jkun ippreżentat minn Charles Saliba u Christine Amaira.

Il-kantanti kollha finalisti se jkunu mistiedna għall-programm speċjali live fuq NET TV nhar it-Tnejn, 16 ta’ Settembru fit-8:30pm fejn matulu t-telespettaturi se jsiru jafu aktar mill-viċin lill-kantanti finalisti. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jagħżel ukoll il-kanzunetta favorita tiegħu fiż-żewġ konkorsi billi jibgħat sms.

Fiż-żewġ Serati Finali, żewġ ġuriji differenti magħmulin minn seba’ membri se jkunu qed jiġġudikaw il-kanzunetti u b’hekk tintgħażel il-kanzunetta rebbieħa f’kull serata.

Il-pubbliku se jkun qed jingħata l-opportunità wkoll li jirriżerva post fl-udjenza għal waqt iż-żewġ Serati Finali. Dan jista’ jagħmlu billi jibgħat sms fuq 77990707.