Christian Micallef minn Oslo, in-Norveġja bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi Restaurant, JetFreight Limited u Lanutti kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta
M’hemmx dubju li kontra n-Norveġja se tkun diffiċli. Fl-uniċi disa’ darbiet li Malta lagħbet kontra dan il-pajjiż, wasalna biss biex niksbu żewġ draws u f’partiti mhux kompetittivi, mill-bqija kien hemm seba’ telfiet u sofrejna xejn inqas minn 20 gowl u skorjajna darbtejn.
Sfortunatament il-memorja ta’ bosta, meta nitkelmu dwar dawn l-avversarji, tmur għall-eku tal-każ tal-partita bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, nhar it-2 ta’ Ġunju 2007, mirbuħa min-Noverġja 4-0 u li kienet ukoll intlagħbet fl-istess stadium tal-lejla, ċioé Ullevaal Stadion f’Oslo, kif ukoll kienet partita valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej, dak iż-żmien tal-2008.
Skont it-testimonjanzi miġbura u l-verdett finali, din il-partita kienet irranġata minn individwi barranin bl-għajnuna ta’ terzi persuni. Madankollu tnax-il sena wara li saret din l-istorja, ħadd mill-media Norveġiża ma għamel referenza għal dak li kien ġara.
Fil-konferenza stampa ta’ qabel il-partita kontra n-Norveġiżi, il-kowċ Ray Farrugia stqarr li dan il-konfront se jkun wieħed diffiċli. “Il-plejers jinsabu ħafna aħjar minn Ġunju, meta lagħbna l-aħħar żewġ partiti kontra l-Iżvezja (0-3) u r-Rumanija (0-4) rispettivament. Illum il-plejers tagħna huma fiżikament ħafna aħjar minn dak il-perjodu u qed nippreparaw bl-aħjar mod li nistgħu,” qal Farrugia.

L-aqwa riżultat ikun dak li ma titlifx
Farrugia żied jgħid li hu qed jittama f’riżultat tajjeb, u kienet pronta l-mistoqsija mill-uniku ġurnalist Norveġiż fil-kamra, biex jistaqsih, x’ikun riżultat tajjeb għal Malta kontra n-Norveġja fil-partita tal-lum. Farrugia wieġbu li fil-futbol “l-unika riżultat tajjeb hu li ma titlifix. Li nitilfu 1-0 u 4-0 hu l-istess.”
B’referenza għall-aħħar partita kontra r-Rumanija u li fiha Malta ġarbet l-agħar riżultat s’issa fil-grupp b’telfa ta’ 4-0, Farrugia saħaq li dakinhar “mhux biss ma lagħbnix tajjeb, iżda fiżikament u mentalment l-plejers ma kinux tajjeb anke għaliex l-istaġun f’Malta kien wieħed twil u impenjattiv. Illum l-affarijiet jidhru differenti u aħjar.”

Farrugia jgħid li fl-aħħar snin in-Norveġja ma bidlux is-sistema tagħhom
In-Nazzjon irrimarka l-fatt li storikament dejjem inbatu kontra avversarji Nordiċi jew Skandinavi, għalhekk staqsejna lil Farrugia x’qed jagħmel differenti biex jassigura li din id-darba il-preparazzjoni tkun aktar effettiva.
“Fl-aħħar jiem ħdimna biex nindirizzaw dawn il-problemi. Rajna l-partiti kollha tan-Norveġja. Aħna tim li m’għandux plejers li huma stillel iżda l-kollettiv tagħna jista’ jkun forza. Jekk inkunu ffukati u ddixxiplinati, nemmen li nistgħu nġibu riżultat tajjeb,” ikkumenta Farrugia.
Il-kowċ nazzjonali Malti żied jgħid ukoll li fl-aħħar snin is-sistema tan-Norveġja rari nbidlet. Skont Farrugia, in-Norveġja jilagħbu simili għall-Iżvezja u fil-ġurnata tagħhom jistgħu jirbħu kontra kulħadd. “Pero fil-futbol qatt ma tista’ tbassar riżultat u jaf ikun hemm is-sorpriżi,” żied jgħid Farrugia.
Dwar il-formazzjoni probabli għall-partita tal-lejla, waqt il-konferenza stampa Farrugia ma ta ebda ħjiel ta’ formazzjoni iżda kkumenta li hemm ċertu plejers li ma jifilħux żewġ partiti u għalhekk il-probabbiltá hi li jinbidlu xi plejers għall-partita ta’ kontra r-Rumanija.
Mistoqsi mill-ġurnalist Norveġiż, dwar x’jaf dwar it-tim avversarju, Farrugia qal li “nafu ħafna u nafu kollox. Nafu bil-qawwa u s-saħħa ta’ plejers tajbin bħal m’hu l-akkwist il-ġdid ta’ Real Sociedad fi Spanja, Martin Ødegaard u Joshua King li jilgħab fil-Premier League Ingliż ma’ Bournemouth.”

Mbong ifaħħar il-preparazzjoni tattika tal-Maltin
Waqt l-istess konferenza stampa tkellem ukoll iż-żagħżugħ difensur ta’ Hibernians, Joseph Mbong li ddeskriva t-tim avversarju għall-partita tal-lum bħala wieħed fiżiku u diffiċli. “Minkejja dan ippreparajna b’mod tajjeb. Issa jiddependi minna biex nagħtu prestazzjoni tajba u nġibu riżultat tajjeb fil-ġurnata,” saħaq Mbong.
L-iskwadra preżenti ta’ Farrugia hija mmfassla fuq it-talent żagħżugħ, u Mbong hu wieħed mill-aħjar eżempji biex wieħed jikkonferma dan. “Wasalt fejn wasalt llum grazzi għall-kowċis li jgħinuni u l-plejers li jagħtuni l-kuraġġ f’kull partita. Hu imperattiv li nibqa’ nżomm saqajha mal-art u nagħti l-massimu f’kull logħba. Jekk nagħmel hekk nemmen li jista’ jkolli partita tajba kontra n-Norveġja,” kompla jgħid Mbong.
//= $special ?>