Fl-inħawi magħrufa bħal tat-Tarġa, fil-limit tal-Mosta wieħed isib il-Katakombi ta’ Bistra li huma kkunsidrati bħala wieħed mill-aktar siti ta’ dfin taħt l-art paleo-kristjani importanti barra miż-żona tar-Rabat.
Is-sit ġie arkeoloġikament investigat għall-ewwel darba mill-Kaptan Charles Zammit lura fl-1933 bħala parti mill-proċess ta’ dokumentazzjoni ta’ erba’ settijiet ta’ ċimiterji li kienu maħsuba biex jiġu meqruda minn triq ġdida li twassal għal Burmarrad.
Is-sit jikkonsisti f’57 qabar miġbura f’16-il kamra, imħaffra fil-blat matul xifer tal-franka twil 90 metru. Oriġinarjament dawn l-oqbra probabbilment kienu jiffurmaw parti minn kumpless ikbar li kien jinkludi passsaġġ u gruppi oħra ta’ oqbra fuq ix-xaqliba tat-Tramuntana u li ġew meqruda maż-żmien.
Dawn il-kmamar fit-Tramuntana hu maħsub li ġew distrutti meta kien qed isir xogħol kbir ta’ qtugħ ta’ ġebel f’din iż-żona fl-1833 waqt li kienet qed tinbena ir-Rotunda tal-Mosta.
Jidher li wara li dan il-post ma baqax jintuża għad-dfin, aktar tard beda jiġi utilizzat b’modi differenti, anki bħala xelter fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u mhux inqas bħala post għaż-żamma tal-annimali fit-tieni parti tas-seklu għoxrin minn persuna bl-isem ta’ Indri.
Tkellimna ma’ Janica Buhagiar, Ko-ordinatur tal-Phonecian Roman Medieval Sistes ta’ Heritage Malta fejn spjegatilna x’tip ta’ artifatti nstabu f’dan is-sit fosthom kranju u lampi.
Fl-isfond ta’ dan kollu Heritage Malta ħasbet biex torganizza open day għall-pubbliku in ġenerali…f’attivita bl-isem ta’ NIFTAKAR TA’ BISTRA li se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru.
Din se tkun ħarġa edukattiva għall-familja kollha fejn se tinkludi wkoll l-esperjenzi tan-nies dwar dan is-sit storiku, u x’memorji għandhom assoċjati mal-katakombi Ta’ Bistra bħal ritratti u artifatti. Min iżur dan is-sit minbarra li jara l-katakombi, ikollu l-opportunità unika li jara razzett sabiħ tradizzjonali Malti li jinsab fuq parti mill-oqbra, kif ukoll jara barriera tal-ġebla tipika Maltija.
//= $special ?>