Il-mudell ekonomiku li miexi bih dan il-Gvern, qed ipoġġi piżijiet kbar fuq il-familji u l-ħaddiema Maltin. Apparti li l-prezzijiet tal-affarijiet l-aktar bażiċi bħal ikel u fuels qed dejjem jiżdiedu, problema kbira li qed tpoġġi piż finanzjarju fuq il-familji u l-ħaddiema huma l-kirijiet dejjem jogħlew.
Permezz ta’ stqarrija mill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali il-PN qal li bħalissa fil-Parlament għaddej, fi stadju ta’ kumitat, abbozz ta’ liġi dwar il-kirjiet. Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq, kif għamel u se jkompli jagħmel, proposti għal din il-materja ta’ inkwiet nazzjonali.
Hemm bżonn ta’ impenn fuq żewġ binarji: Inizjattivi legali li jwieżnu lil min qed jikri, u jagħtuh aktar sigurta’ fit-tul, u politika serja li tippjana fit-tul.
Fost l-inizjattivi legali għandu jiġi kunsidrat kirjiet itwal, sabiex jipproteġu aħjar lill-familji mill-biża’ li jitkeċċew u jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Saru komuni każijiet fejn kirjiet jisplodu ‘l fuq ħabta u sabta, u dan ipoġġi piż finanzjarju, ħafna drabi impossibbli li jinġarr, mill-familji u l-ħaddiema.
Il-piż finanzjarju tal-kirijiet qed jinħass mhux biss minn min qiegħed fuq pagi baxxi iżda anke fuq dawk li għandhom pagi meqjusin bħala diċenti.
Hemm bżonn fuq kollox ta’ pjan fit-tul. In-nuqqas ta’ pjan fit-tul huwa sintomu ta’ Gvern li jħares biss mill-lum għal għada. Il-problema tan-nuqqas ta’ pjanar fit-tul toħloq problemi kbar fil-pajjiz. Meta jkollok mudell ekonomiku bbażat għal kollox fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin, mingħajr pjan, l-effett tiegħu se jinħass b’mod prinċipali fuq il-kirjiet u l-propjeta’. Ħafna Maltin illum qed isibuha diffiċli jsibu kirjiet bi prezzijiet raġjonevoli meta mqabbel mal-pagi tagħhom.
Hemm ukoll in-nuqqas tal-Gvern li jibni akkomodazzjonijiet soċjali madwar il-pajjiż. L-akkomodazzjoni soċjali twieżen, u tagħti saqaf fuq ras min għandu l-aktar bżonn f’pajjiżna. F’dan ir-rigward, il-Gvern ta’ Muscat falla.
Il-Partit Nazzjonalista favur l-iżvilupp, u jrid li l-ekonomija tikber u l-ġid jitgawda minn kulħadd. Biex dan isir irid ikun hemm pjan fit-tul li minnu jgawdi kulħadd – mhux l-inqas min qed ifittex saqaf fuq rasu imma wkoll min qed jinvesti.
//= $special ?>