Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal kontra t-Taljan Matteo Berrettini fis-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal kompla jikkonferma għaliex hu l-favorit li jirbaħ l-Open tal-Istati Uniti wara li tħabat ftit biex elimina lil Diego Schwartzman fil-kwarti tal-finali. Nadal rebaħ 6-4, 7-5, 6-2, bl-Arġentin jissielet darbtejn minn żvantaġġ ta’ erba’ logħbiet. Fis-semifinali hu jilgħab kontra t-Taljan Matteo Berrettini li għeleb lil Gael Monfils. Fatt interessanti hu li apparti Nadal, it-tliet semifinalisti oħra jiġifieri Berrettini, Dimitrov u Medvedev qatt ma lagħbu finali ta’ Grand Slam.

Wara l-logħba, Nadal qal li fiżikament jinsab tajjeb għalkemm kienet ġurnata diffiċli u b’umdità għolja. Hu żied li li kellu xi mumenti kbar lejn tmiem it-tieni set u l-bidu tat-tielet set iżda l-aħħar ftit logħbiet reġa’ ħassu tajjeb. Nadal tkellem fuq l-avversarju tiegħu u qal li se tkun sfida kbira għaliex Berrettini qed jitjieb kull ġimgħa iżda sostna li issa hu l-mument li jkompli għaddej.

Mill-bidu tat-tournament, Nadal kien meqjus wieħed mill-favoriti u wara l-eliminazzjoni ta’ Novak Djokovic u Roger Federer issa hu l-aktar favorit li jirbaħ id-19-il Grand Slam fil-karriera u jersaq wieħed anqas minn Federer. L-aħħar 11-il Grand Slam intrebħu minn dawn it-tliet tennisti, li għadhom qed jiddominaw minkejja li qabżu t-30 sena. Jekk Nadal jirbaħ fi Flushing Meadows ikun ir-raba’ suċċess għalih fl-Open tal-Istati Uniti.

Matteo Berrettini tilef erba’ match points iżda kkontrolla lilu nnifsud biex rebaħ 3-6, 6-3, 6-2, 3-6, 7-6 fi tliet sigħat u 57 minuta. Wara l-logħba, Berrettini qal li ma jiftakar l-ebda punt ħlief il-match point. Hu qal li din il-logħba kienet waħda mill-isbaħ li qatt ra u jinsab kburi bih innifsu.