Il-Kap tal-House of Commons (Parlament), Jacob-Rees-Mogg, qal li d-deputati Britanniċi, nhar it-Tnejn, għandhom jivvutaw mill-ġdid dwar mozzjoni rigward jekk ir-Renju Unit għandux jidħol għal elezzjoni bikrija.
Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, irid li din l-elezzjoni ssir fil-15 ta’ Ottubru iżda falla milli jikseb biżżejjed appoġġ mid-deputati parlamentari f’Londra waqt il-vot tal-Erbgħa.
Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni qal li mhux se jappoġġja elezzjoni bikrija qabel tidħol fis-seħħ il-leġislazzjoni li qed taħseb biex tevita no-deal Brexit lejn l-aħħar ta’Ottubru.
Dan meta mistenni li l-liġi partikulari ssir effettiva min-nhar it-Tnejn stess.
Sadanittant, Boris Johnson mistenni jakkuża lill-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, ‘talli hu insolenta lid-demokrazija bl-aktar mod kodard’. Dan wara li Corbyn ma appoġġjax l-impenn lejn elezzjoni bikrija fir-Renju Unit.
Is-sorsi qrib Johnson qalu li hu qed iqis dan il-perjodu bħala ‘l-ewwel fażi ta’ kampanja elettorali’ — u bil-Prim Ministru jsostni li l-Kap Laburista qed jiċħad lin-nies milli jsemmgħu leħinhom dwar il-progress ta’ Brexit.
//= $special ?>