Lokali Qorti

Sid ta’ pastizzerija jirrakkonta kif dak li suppost kien sieħbu ħanxarlu għonqu

Sid ta’ pastizzerija f’Ħal Luqa qal fil-Qorti li raġel li dejjem ikkunsidrah bħala ħabib tiegħu ħanxarlu għonqu meta dan aggredih fit-12 ta’ Awwissu li għadda. Nicholas Bezzina kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u ql li huwa qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina minn klijent li jiftakar li kien għamel siegħa fil-ħanut ‘Lion’s Heart Pastizzerija’ fi Triq id-9 ta’ April, f’Ħal-Luqa.

Huwa spjega kif Gordon Calleja daħal fil-ħanut tiegħu, kif jagħmel ta’ spiss, għall-ħabta tal-10.30am. Huwa ħa flixkun imbid u staqsieh jekk jistax jftaħulu għax ma kellux biex jiftħu. Huwa kien talbu wkoll dixx tortellini.

Calleja li għandu 44 sena qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil u li kellu fil-pusses tiegħu arma li taqta u bil-ponta wara li kien qed iwettaq id-delitt. “Tajtu l-ijkel u anke talabni flixkun Coca. Lanqas biss żammejtlu flus ta’ dak li ħa u meta kont qed nagħti daħri lill-forn, attakkani u qalli li ried joqtolni.

Ħassejt xafra ma’ għonqi u kif dort reġa’ aggredini. Ħassejt id-demm ħiereġ minn għonqi u qbadtu minn spalltu biex inwaqqfu milli jerġa jagħtini xi daqqa oħra bis-sikkina,” spjega Bezzina.

Huwa wera lill-Qorti l-farrett li kien jidher minn naħa ta’ widintu sa nofs għonqu u kellu wkoll farrett man-naħa l-oħra ta’ għonqu. “Staqsejtu għaliex kien qed jagħmilli hekk u bdejt ngħidlu li għandi żewġ itfal. Qbadtu minn spalltu u b’xi mod żammejtu l-bogħod minni. Dak il-ħin ma kien hemm ħadd il-ħanut.

“Beda jgħidli li jrid jagħti bis-sikkina fl-istonku tiegħi u dak il-ħin żlaqt fid-dmijja tiegħi stess u spiċċajt mal-art,” kompla jgħid il-vittma. Kompla jgħid li l-aggressur talbu l-flus u hu qallu li kien se jġiblu mill-karozza u qal li kien dak il-ħin telaq jiġri lejn l-Għassa tal-Pulizija li tinsab ftit metri l-bogħod.

Tenna li sakemm mar u wasal hemm, Calleja baqa’ jsegwih u anke pprova jidħol fl-Għassa tal-Pulizija. Qal ukoll li kien hemm żewġ Pulizija dak il-ħin. Wieħed minnhom ġera lejn il-Pastizzerija fejn raha lill-akkuat bid-demm f’idu u anke bil-ħwejjeġ imċappsa bid-demm u li fuq kien għad kellu s-sikkina.

Il-Kuntistabbli Darren Gauci qal fil-Qorti li l-akkużat daħal fil-karozza tiegħu tal-għamla Pajero u qallu: “Sejjer id-dar. Jekk ikollok bżonni, taf fejn isibni.”Bezzina qal li hu qatt ma kellu problemi ma’ Calleja qabel ma seħħ l-inċident a anke mhux l-ewwel darba li marru jieklu flimkien.

Sostna wkoll li huwa ġie operat, liema operazzjoni ħadet tliet siegħat bit-tabib jgħidlu li kien iffurtunat li għadu ħaj wara tliet daqqiet bħal dawk.
Meta mistoqsi Bezzina qal li sab €360 nieqsa mill-‘cash register’ u li anke f’xi okkażjonijiet oħra meta l-akkużat kien qed jiekol fil-ħanut tiegħu staqsih jekk kien waddabblu xi velenu fl-ikel, xi ħaġa li qatt ma seta’ jifhem.

Il-kumpilazzjoni tkompli fl-10 ta’ Ottubru li ġej. l-IspetturKurt Zahra mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Noel Bartolo deher għall-akkużat. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru bħala ‘parte civile’ għan-nom tal-vittma.