Tliet irġiel kienu mixlijin li serqu tagħmir ta’ kostruzzjoni minn fuq trakk fil-Marsa li jintuża fl-industrija tal-kostruzzjoni. Is-serqa saret fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu nhar is-Sibt li għadda fi Triq Troubridge Street.
Raġel ta’ nazzjonalità Tuneżina, Mahmoud Moghrabi ta’ 29 sena, residenti tal-Pietà u Jurgen Cassar ta’ 34 sena minn Ħal-Qormi, ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom iżda t-Taljan Francesco Loporcaro ta’ 48 sena, residenti Raħal Ġdid ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet mill-provi tal-Prosekuzjoni dwar kif il-Pulizija l-ewwel arrestat lil Moghrabi fuq dawn is-serqiet. Waqt li kien qed jiġi nterrogat huwa kixef lit-tnejn l-oħra. Matul il-lejl Moghrabi kien uża l-vann tax-xogħol tiegħu biex jiġbor lit-tnejn l-oħra u dawn marru l-Marsa biex jisirqu t-tagħmir ta’ kostruzzjoni.
Peress li ammetta fl-istadju bikri tal-proċeduri u kkopera mal-Pulizija, huwa ingħata probation għall-perjodu ta’ tliet snin. Cassar ġie kkundannat 13-il xahar ħabs fejn tilef ukoll d-depożitu u l-garanzija personali li kien ordnat jagħmel fuq każ ieħor.
Il-każ ta’ Loporcaro, li jinsab mixli wkoll li kiser il-libertà kundizzjonata, se jibqa’ jinstema’. Huwa iżda nżamm taħt arrest preventiv. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għal Moghrabi filwaqt li l-Avukat Francine Abela deheret għat-tnejn l-oħra.
//= $special ?>