Il-Pulizija Maltija kellmet lil numru ta’ persuni b’rabta mal-arrest, fl-Ungerija, ta’ Hassan Farhoud li hu akkużat li serva lill-ISIS fis-Sirja.
Dan hekk kif Farhoud, li qed ikun akkużat ukoll li ordna l-qtil ta’ diversi persuni f’pajjiżu, qatta’ xi żmien jgħix f’pajjiżna.
Rapporti jindikaw li b’kollox ġew mitkellma 10 persuni, iżda dawn mhux kollha f’Malta. Mhux magħruf lanqas x’sehem kellhom dawn ix-xhieda, jekk hux qraba tal-vittmi tiegħu jew inkella kompliċi.
Farhoud qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti tal-Ungerija, fejn inqabad wara li kemm f’Malta kif ukoll fil-Greċja, fejn għex fl-aħħar snin, inqabad juża dokumenti foloz.
Anke fl-Ungerija, fejn ġie arrestat, Farhoud ġie mizmum wara li uża dokumenti foloz għalih u għas-sieħba tiegħu.
Skont rapporti fl-Ungerija, ġew mitkellma wkoll numru ta’ persuni fil-Beġju f’ħidma bejn l-awtoritajiet ta’ diversi pajjiżi. Madankollu, s’issa l-Pulizija ma rreaġixxewx dwar dan b’mod uffiċjali.
Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-Pulizija, fejn fost oħrajn saqsejna kemm kien in-numru ta’ persuni li ġew interrogati mill-Pulizija.
Tlabna wkoll għal stqarrija uffiċjali dwar x’kien ir-rwol tal-Pulizija fl-investigazzjoni.
Apparti minn hekk, dan l-istazzjon talab lill-awtoritajiet dwar x’inhu l-proċess biex ikun individwat xi ħadd li jasal f’Malta bla dokumenti.
Staqsejna wkoll jekk hux qed ikun maħsub li jsir xi tibdil f’dan il-proċess ladarba sar magħruf li s-sistemà attwali qed tkun abbużata….jew inkella mhix mija fil-mija sigura.