Żewġt aħwa Rumeni li nqabdu mill-Pulizija u minn Uffiċjali tad-Dwana hekk kif waslu minn Pozzallo b’kunsinna ta’ 31 kilogramma kannabis grass intbagħtu l-ħabs, wara li tressqu l-Qorti akkużat b’importazzjoni u traffikar ta’ droga.
Bogdan Ionut Iousub ta’ 21 sena u ħuh Cosmin Constantin Iousub ta’ 19-il sena wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom bl-Avukati tagħhom Alfred Abela u Francois Dalli ma jagħmlux talba lill-Maġistrat Charmaine Galea, li semgħet il-każ għal libertà proviżorja.
Ir-Rumeni li tressqu mill-Ispetturi Mark Mercieca u Justine Abela ġew mixlijin li wettqu dan ir-reat fis-siegħat bikrin tal-Ħamis li għadda filgħodu fejn minbarra importazzjoni u traffikar kienu mixlijin b’pusses ta’ droga li ma kienitx għal użu personali u esklussiv tagħhom.
Id-droga nstabet f’qiegħ falz ta’ karozza. Id-droga nstabet moħbija grazzi għal tiftix estensiv li sar fuqha mill-Pulizija u l-uffiċjali tad-Dwana. Huma kienu ġew arrestati wara li niżlu min fuq il-katamaran b’vann, li kien għadu kemm wasal minn Pozzallo.
Kif kważi jiġri dejjem f’okkażjonijiet bħal dawn ir-Rumeni allegatament kienu mifthemin ma’ persuna oħra, u li dan kien se jħallilhom vettura ipparkkjata fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra.
//= $special ?>