Bħal ma jsir ta’ kull sena, Jum il-Vitorja, li tkun iċċelebrata fit-8 ta’ Settembru, tfakkret b’serata kommemorattiva quddiem il-monument fi Pjazza L-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta.
F’dan il-jum titfakkar kemm ir-rebħa tal-Maltin u l-Ordni ta’ San Ġwann fl-Assedju l-Kbir tal-1565, magħruf bħala fost l-aktar imdemmija li qatt seħħew, kif ukoll it-tmiem tal-assedju fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Banda tal-Forzi Armati, fetħet is-serata bl-innu Malti.
Għal din l-okkażjoni, din is-sena sar diskors minn Abdalla Kablan, intraprenditur f’negożji ġodda u espert tat-teknoloġijia finanzjara. Fid-diskors tiegħu hu qal li huma l-avvenimenti importanti bħal dak tal-Vitorja li jiffurmaw dak li aħna llum.
Kablan qal li snin ilu Malta kellha viżjoni ambizzjuża ta’ indipendendenza, li xtaqet poplu li jkollu rajh f’idejh u b’determinazzjoni irnexxielha.
Il-futur, qal Kablan, ħadd ma jafu, iżda s-sabiħ tat-teknoloġija hu propju dak li tevolvi kuljum, bit-tama li dan iwassalna li nkomplu ntejbu ħajjet in-nies.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Aġent Prim Ministru, Chris Fearne, l-Aġent Speaker Claudette Buttigieg, deputati u diversi mistiedna dinjitarji oħra.

Fl-aħħar taċ-ċerimonja tpoġġew kuruni ta’ fjuri mill-awtoritajiet fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt li reġa indaqq l-innu Malti. mill-banda tal-Forzi Armati.
//= $special ?>