Sport Waterpolo

Elena Borg magħżula mal-Italja biex tilgħab fil-Kampjonat tad-Dinja ta’ taħt l-20 sena

Il-plejer Maltija Elena Borg se tkompli l-esperjenza tagħha fix-xena internazzjonali hekk kif reġgħet ġiet magħżula mat-tim nazzjonali Taljan din id-darba ta’ taħt l-20 sena, biex tilgħab fil-Kampjonat tad-Dinja li se jsir f’Madeira fil-Portugall bejn id-9 u l-15 ta’ Settembru.

Borg li hi prodott ta’ Exiles lagħbet mat-tim Taljan fil-Logħob tal-Università li saru f’Napli f’Lulju li għadda. Borg hi Maltija iżda għandha omma Taljana u għalhekk tikkwalifika biex tilgħab mal-Italja. Fl-età ta’ 17-il sena hi ħalliet pajjiżna għal prova ma’ Padova u wara ngħaqdet ma’ Verona. Kif spiċċat l-A-Levels iddeċidiet li tmur l-Italja b’mod permanenti biex tipprova tibni karriera.

Il-mixja taż-żagħżugħa ta’ 19-il sena f’dan l-isport ma kinitx faċli hekk kif fl-età ta’ 11-il sena bdiet ma’ Exiles u għall-ewwel snin kienet titħarreġ u tilgħab mat-tim tas-subien minħabba li kienu biss żewġt ibniet. L-affarijiet inbidlu u rnexxielhom jgħaqqdu tim tan-nisa wara ħidma kbira mill-kowċ Gordon Zammit.

Minħabba dawn l-impenji, Borg ftit lagħbet ma’ Exiles f’dan is-sajf. Hi se tkun qed tirritorna fl-Italja u tilgħab fil-kampjonat A1 ma’ CSS Verona, klabb li lagħbet miegħu mill-2017 u fl-istaġun li għadda fejn skorjat 13-il gowl fil-kampjonat.