Sport Waterpolo

Exiles inkurunati champions għat-tielet sena konsekuttiva fi staġun dominanti

(Ritratt: BOV)

Exiles kienu nkurunati bħala ċ-champions tal-waterpolo tan-nisa għat-tielet sena konsekuttiva fl-aħħar logħba tal-kampjonat biex temmew staġun dominanti. B’dan is-suċċess huma saru l-ewwel tim tan-nisa li rebaħ il-kampjonat għat-tielet sena konsekuttiva kif ukoll li rebħu l-kampjonat, in-knock-out u s-super cup fl-istess staġun.

Aktar minn hekk huma rebħu l-logħbiet kollha minbarra waħda f’dan l-istaġun u bir-rebħa ta’ 15-0 fl-aħħar logħba tal-kampjonat kontra Marsaskala, huma saru l-ewwel tim tan-nisa li ma sofra l-ebda gowl f’logħba.

Fil-kampjonat ta’ din is-sena ħadu sehem sitt timijiet, bil-kampjonat jintlagħab fuq żewġ rawnds. Exiles temmew b’disa’ rebħiet u draw ta’ 6-6 kontra San Ġiljan filwaqt li skorjaw 163 gowl u sofrew 46 gowl. L-akbar sfidanti tagħhom kienu Sliema iżda t-tim immexxi minn Gordon Zammit l-ewwel rebaħ is-Super Cup 15-4 u kiseb in-knock-out wara li għelbu lis-Slimiżi bl-għoti tal-penalties. Fil-kampjonat Exiles rebħu ż-żewġ konfronti diretti 13-8 u 12-9.

Wara l-logħba, l-Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Marketing tal-BOV Charles Azzopardi flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi ppreżentaw il-midalji u t-trofew lill-captain Kela Zammit li spiċċat l-aqwa skorer tal-kampjonat.

Exiles issa jikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fix-xena Ewropea hekk kif se jsiru l-ewwel tim Malti li jilgħab fil-Euro League tan-nisa fil-bidu ta’ Novembru.