L-Editorjal tat-‘Times of Malta’ ngħaqad mal-għajta tal-poplu mxebba mill-kostruzzjoni bla rażan għas-skapitù tal-qerda rampanti tal-ambjent. L-Editur ħeġġeġ lill-qarrejja tal-gazzetta li l-protesta nazzjonali, kontra l-iżvilupp eċċessiv u d-degradazzjoni ambjentali li qed ibaxxu l-kwalità tal-ħajja f’Malta, ħaqqha kull appoġġ mill-poplu Malti kollu.
L-Editorjal intitolat “Iżżejjed kollu żejjed: semma leħnek” jappella lill-qarrejja li inutli joqogħdu jmaqdru u jilmentaw fuq il-mezzi soċjali mid-dar. Il-preżenza tagħhom f’din il-protesta nazzjonali tas-Sibt filghodu għandha ġġiegħel lill-Gvern u lill-ħbieb tal-qalba jifhmu li l-qerda tal-ftit natura li baqa’ f’pajjiżna ma tistax issir a skapitù taċ-ċittadini ta’ pajjiżna.
L-impressjoni sfaċċata tal-kollużjoni bejn l-awtoritajiet regulatorji, ċioe l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA, u l-interessi b’saħħithom ta’ certu individwi qed twassal għall-ambjent ta’ ġungla fil-qasam tal-kostruzzjoni ….u dan jeħtieġ jiġi mrażżan.
Għalhekk, fil-kummentarju tiegħu, l-Editur jisħaq li huwa d-dritt ċiviku tal-poplu li s-Sibt fl-għaxra ta’ filgħodu jipprotesta paċifikament quddiem il-Qrati fil-Belt kontra dawn li qed jibbenefikaw minn liġijiet li jiffavurixxu biss l-interessi kummerċjali tagħhom u mhux dawk ambjentali. Permezz tal-protesta, is-soċjetà ċivili għandha tkun determinata li ssemma’ l-frustrazzjoni tagħha u jipprotestaw kontra dak li hu ħażin.
Imbagħad, l-Editur semma n-nuqqasijiet li waslu biex sa fl-aħħar se ssir din il-protesta, fosthom it-tgħawwiġ tar-regoli tal-pompi tal-petrol, l-abbuż ta’ art ODZ, it-tbażwir fl-użu tal-policies tat-torrijiet, l-ineffiċjenza tal-Building Regulations Office u n-nuqqas sfaċċat ta’ infurzar fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Magħhom riċentament żdiedet ukoll il-ferneżija biex isir massakru tas-siġar biex jitwessgħu t-toroq, policies li jinkoraġixxu biss l-użu tal-karozza privata, il-kolass ta’ residenzi privati minħabba t-traskuraġni ta’ ħaddieħor u t-theddida kontinwa fuq l-arkitettura tradizzjonali Maltija. Is-soċjetà Maltija donnha qed tiskuża dan kollu għaliex it-tkabbir ekonomiku qed jiġi sostnut mill-industrija tal-kostruzzjoni. Dan qed jispiċċa jieħu preċedenza fuq il-konsegwenzi soċjali tal-waħx fuq il-poplu kollu.L-Editorjal temm jgħid li qatt ma messna wasalna sa dan il-punt terribli ….u din il-manifestazzjoni messha ilha li saret. Il-poplu jeħtieġ isemma’ l-iskuntentizza tiegħu għal dawn il-policies tal-Gvern biex isseħħ qabża ‘l quddiem fil-kwalità tal-ħajja, tal-ambjent u tas-saħħa tal-poplu Malti.
//= $special ?>