Madwar 72 fil-mija tal-Ġermaniżi li wieġbu għal stħarriġ jemmnu li l-Gvern ta’ koalizzjoni li qed tmexxi l-Kanċillier Angela Merkel għandha tkompli sat-tmiem, fl-2021, tal-perjodu leġiżlattiv attwali.
Fl-istess ħin, huma jemmnu li ‘ikun tajjeb għal Merkel u l-Ġermaniżi’ jekk hi tkompli sservi sa dak iż-żmien fit-tmun tal-pajjiż.
L-istħarriġ ibbaża fuq 1,270 votant li wieġbu għall-mistoqsija speċifika – u meta l-ammont tal-Ġermaniżi li huma fiduċjużi fil-koalizzjoni ta’ Berlin żdiedu mis-60 fil-mija reġistrati f’Ġunju.
Intant, dan l-istħarriġ sar direttament wara l-elezzjonijiet tal-Ħadd f’żewġ Stati Ġermaniżi tal-Lvant, fejn il-Partit CDU (konservattiv) ta’ Merkel u l-Partit SPD, is-sieħeb fil-koalizzjoni, tilfu l-voti fil-konfront tal-Partit AfD tal-lemin estremista.
Is-CDU u l-SPD għadhom l-akbar partiti fl-Istati ta’ Sassonja u Brandenburg, iżda naqsu mill-appoġġ bir-riżultat li ggwadanjaw l-AfD, li spiċċa t-tieni l-akbar partit f’dawn iż-żewġ Stati.
Intant, naqas it-tħassib li l-SPD jista’ jirtira mill-koalizzjoni nazzjonali biex jipprova jerġa’ jibni l-appoġġ mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Madankollu l-SPD — li qed jagħżel mexxej ġdid u li mar ħażin fl-aħħar stħarriġ nazzjonali — għandu jirrevedi r-rwol tiegħu fil-Gvern sal-aħħar tas-sena.
Fil-preżent, l-appoġġ għall-SPD hu madwar il-15 fil-mija — jiġifieri ’l isfel sew mill-appoġġ għall-Konservattivi ta’ Merkel, li hu indikat mat-28 fil-mija.
//= $special ?>