Internazzjonali

IL-Libja: Mhux mistenni waqfien mill-ġlied fil-‘battalja kontra t-terroristi’

L-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar m’għandhiex tieqaf tiġġieled għall-kontroll ta’ Tripli u meta se tkompli ‘tissielet kontra t-terroriżmu kulfejn tinzertah’.

Il-kelliema għal Haftar qalu dan wara li Ghassan Salame, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, qal li l-perjodu ta’ waqfien mill-ġlied li baqa’ effettiv waqt il-vaganza ta’ Eid Al Adha ( matul ix-xahar li għadda) ‘għandu juri li hu possibbli waqfien mill-ġlied totali’.

Intant, issa mhux mistenni li l-Armata Libjana tal-Lvant iżżomm lura mill-ostilitajiet wara li hi u l-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj (appoġġjat min-NU) kienu waqfu minn ħames xhur ta’ ġlied regolari fl-10 ta’ Awwissu. Dan minkejja li, skont Salame, ‘twaqqaf prinċipju li l-avversarji jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-paċi fit-tul’.

Is-sorsi qrib l-Armata ta’ Haftar – li ilha minn April għaddejja b’offensiva biex taħtaf il-kontroll ta’ Tripli – qalu li l-probabbiltà ta’ waqfien mill-ġlied ‘imtawwal’ hi remota għall-aħħar. Uħud sostnew li ‘spiċċaw eżawriti l-opportunitajiet kollha li setgħu evitaw gwerra fi Tripli’ u li qed tkompli l-battalja għal Tripli ‘li għandha tispiċċa liberata dalwaqt’.

L-Armata Libjana tal-Lvant insistiet li qed tipprova ġġib fit-tmiem il-poter tal-gruppi tal-milizji li qegħdin jappoġġjaw lill-Gvern ta’ Sarraj. Dan fost kritika għall-amministrazzjoni fi Tripli talli qed tieħu s-sostenn mill-entitajiet estremisti ‘li jinkludu terroristi magħrufin fuq livell internazzjonali’. Is-sorsi qrib ta’ Haftar komplew li Salame għandu kull dritt li jfittex djalogu politiku iżda  wissew li dan għandu jsir b’mod separat ‘mill-battalja kontra t-terroriżmu’.

Huma komplew li l-organizzazzjonijiet terroristiċi huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta’ Stat ċivili u l-amministrazzjoni tal-liġi. L-istess entitajiet, skont huma, ma jippermettux għall-elezzjonijiet ‘li jemmnu għandhom ikunu projbiti fuq bażi ta’ reliġjon’.

L-Armata Libjana tal-Lvant sostniet li filwaqt li ħadet sehem fit-taħditiet dwar soluzzjonijiet politiċi, dawn fallew ‘għaliex il-ftehim kienu opposti jew mill-milizji terroristiċi inkella mill-organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-ISIS, l-al-Qaeda u l-Fratellanza Musulmana’.

U meta kienu mistoqsija jekk Khalifa Haftar jistax ikun lest biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru Sarraj, is-sorsi sostnew li ‘dan kapaċi ikun tard wisq wara li ma waslu mkien il-metodi paċifiċi kollha’.