Il-Papa Franġisku temm iż-żjara fil-Mozambique b’ċanfira għall-mexxejja politiċi u tal-kummerċ lokali li ‘qegħdin jaqgħu għall-korruzzjoni tal-barrani’.
Il-Mozambique hu pajjiż fqir fil-Lvant tal-Afrika li madankollu hu sinjur fir-riżorsi. Intant, il-Papa, fl-aħħar jum tiegħu fil-Mozambique, żar sptar għall-pazjenti morda bl- AIDS waqt li ċelebra l-quddies għal xi 60,000 ruħ fis-stadium nazzjonali ta’ Maputo.
Il-Kap tal-Kattoliċi tkellem diversi drabi dwar il-paċi, il-faqar, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u għandu jirrepeti dawn il-messaġġi waqt iż-żjarat li jmiss fil-Madagascar ( fejn għandu jasal aktar tard) u l-Mauritius.
Waqt il-quddies f’Maputo, il-Papa sostna li r-residenti tal-Mozambique qed jiffaċċjaw faqar kbir minkejja l-abbundanza tal-ġid naturali u kulturali ta’ pajjiżhom.
Dan meta skont il-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, mat-80 fil-mija tal-popolazzjoni (30 miljun) fil-Mozambique ma jaffordjawx l-ispiża minima għal dieta adekwata.
//= $special ?>