Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Boris Johnson mhux se jikkunsidra r-riżenja

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, għamilha ċara li mhux lest jikkunsidra li jirriżenja minkejja d-diffikultajiet li hu qed jiffaċċja waqt li r-Renju Unit qed joqrob lejn id-deadline għall-Brexit.

Johnson, f’kummenti lil Sky News u waqt żjara li hu kien qed jagħmel fl-Iskozja, insista li ‘għandu jmur fi Brussell u jikkonkludi ftehim (mal-Unjoni Ewropea) filwaqt li jaċċerta li r-Renju Unit se jkun ħareġ mill-UE sal-aħħar ta’ Ottubru’.

Meta staqsewh jekk għandux ikun lest li jirriżenja minn Prim Ministru f’każ li jfallulu t-tragwardi, Johnson wieġeb li ‘din hi kollha ipoteżi li mhux qed jikkontemplaha’.

Johnson qed jinsisti għal elezzjoni ġenerali fil-15 ta’ Ottubru – ġimagħtejn qabel ir-Renju Unit għandu jħalli l-UE. Madankollu l-partiti Britanniċi fl-Oppożizzjoni qalu, illum, li se ‘jimblukkaw’ it-tieni tentattiv ta’ Johnson għal elezzjoni f’nofs dan ix-xahar biex wittew it-triq għal konfront mal-Gvern  rigward ‘il-posponiment ta’ Brexit’.

Id-deputati fil-House of Commons, nhar it-Tnejn, jerġgħu jivvutaw dwar mozzjoni għal jekk issirx elezzjoni bikrija. Iżda l-partiti tal-Oppożizzjoni — il-Partit Laburista, il-Liberali Demokratiċi, l-SNP u Plaid Cymru — qalu li ‘jistgħu jivvutaw kontra jew jastjenu’ sakemm tkun implimentata liġi li twarrab għall-possibbiltà ta’ no-deal Brexit.

Boris Johnson wieġeb, intant, li dawn il-partiti qegħdin jagħmlu ‘żball politiku straordinarju’.

Fi żviluppi oħra, Qorti Għolja fir-Renju Unit ma laqgħetx sfida legali dwar id-deċiżjoni ta’ Boris Johnson biex jissospendi l-Parlament. Il-każ tressaq minn Gina Miller, negozjanta, bl-argument li dan il-pass ‘jirrifletti abbuż ta’ poter’.

Intant, Miller tista’ tappella immedjatament mid-deċiżjoni minħabba li l-każ jinvolvi l-punti legali ta’ importanza. L-appell mistenni jinstama’ quddiem il-Qorti Suprema fis-17 ta’ Settembru.