Lokali

Kull siġra li titqaċċat, tfisser arja aktar maħmuġa – Adrian Delia

L-iżvilupp f’pajjiżna jrid isir u l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jassigura li bl-iżvilupp li jsir jitkattar il-ġid u jgawdi kulħadd. Iżda l-iżvilupp ma jistax isir mingħajr pjan fit-tul, u mingħajr ħsieb. Meta jiġri hekk ibatu n-nies, u l-ambjent li ngħixu fih ikompli jmur lura.

Hekk qed jiġri bħalissa.

Hu qal li għandna gvern li jħares biss mill-lum għal għada, mingħajr ebda pjan fit-tul. Konsegwenza ta’ dan, l-ambjent li ngħixu fih qed issirlu ħsara kbira u l-effett ta’ din il-ħsara qed inħossuh, u se nkomplu nħossuh, fuq saħħitna u l-but tagħna.

Aktar tfal qed ibatu bl-ażma u mard ieħor respiratorju. Il-bini esaġerat u bla pjan, ttaqċċit tas-siġar u l-qerda tal-ftit raba li fadal qed ikollhom effetti negattivi fuq saħħet il-poplu. Il-proġett tas-Central Link huwa eżempju ċar ta’ dan.

Il-Gvern, minkejja dak li qed jgħidulu eluf ta’ residenti u għaqdiet mhux governattivi, se jgħaddi romblu minn fuq ix-xewqat sinċiera tan-nies u l-ambjent tagħhom.

Adrian Delia qal li Il-proġett tas-Central Link se jeqred iktar minn 55,000 metru kwadru ta’ rt agrikola. Dan apparti l-qerda ta’ għexieren ta’ siġar mir-rotta li fiha se tinbena l-bypass il-ġdida li tgħaddi minn H’Attard. Bdiewa li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn raba li jaħdmu f’din iż-żona se jlaqqtuha wkoll, qal Adrian Delia.

Dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet fl-interess nazzjonali. Gvern għaqli kien iġib lil kulħadd madwar il-mejda u jippjana, għal-lum u għal għada. Dan hu gvern, qal Adrian Delia li quddiem il-problema enormi tat-traffiku li għandhu pajjiżna, ddecieda li l-unika soluzzjoni hi t-twessigħ tat-toroq, allura ġab il-gaffef, neħħa l-ħamrija, qaċċat kull siġra li sab, u wessa’ t-toroq. Iżda filwaqt li għamel dan, injorha n-numru ta’ karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq tagħna, kkawzati mhux ftit minn popolazzjoni dejjem tikber kawza tal-mudell ekonomiku li fuqha qed jistrieħ dan il-Gvern: Importazzjoni bla pjan ta’ ħaddiema barranin.

It-toroq li wessa’ llum, fi ftit snin oħra mhux se jservu għaż-żieda qawwija fil-karozzi spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia qal illi dan hu Gvern inkonsistenti, għax filli joħroġ permessi bl-addoċċ għall-pompi tal-petrol, imbad ftit wara jgħid li ħatar lil Miriam Dalli sabiex tiddeċiedi meta se jitneħħew il-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel mit-toroq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal illi Gvern Nazzjonalista se jara li joħloq, u jkattar il-ġid f’pajjiżna, biex minnhu jgawdi kulħadd. Dan il-ġid jinħoloq billi nġibu f’pajjiżna nvestituri serji li joħolqu mpjiegi li jħallsu tajjeb, u billi jinċentiva lill-investituri u negozjanti Maltin jinvestu aktar f’pajjiżna u f’oqsma li jrendu.