L-Olanda kompliet tikkonferma l-progress li għamlet fl-aħħar xhur hekk kif wara l-logħbiet fil-UEFA Nations League, reġgħet għelbet lit-tim nazzjonali Ġermaniż din id-darba 4-2. Kienu l-Ġermaniżi li marru fil-vantaġġ wara disa’ minuti b’xutt Lukas Klostermann ikun salvat parzjalment u daħal SERGE GNABRY li skorja b’xutt għar-rokna.
It-tim ta’ Ronald Koeman ġab id-draw fid-59 minuta meta FRENKIE DE JONG daħal tajjeb fl-ispazju li ħallew id-difensuri Ġermaniżi u minn qagħda tajba għeleb lil Manuel Neuer. L-Olanda marret fil-vantaġġ fis-66 minuta b’awto-gowl sfortunat tad-difensur Jonathan Tah hekk kif il-ballun ħabat miegħu wara kross ta’ Memphis Depay.
Il-Ġermanja ġabet id-draw fit-73 minuta meta ngħatat għal dak li ġie ġġudikat li Matthijs de Ligt mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Inkariga ruħu TONI KROOS li bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra. Iżda l-Olanda reġgħet marret fil-vantaġġ fid-79 minuta meta Georginio Wijnaldum irċieva ballun tajjeb u b’altruwiżmu qassam lejn id-debuttant DONYELL MALEN li skorja mill-viċin. Huma għalqu l-logħba fil-91 minuta f’kontrattakk li minnu l-midfielder GEORGINIO WIJNALDUM għeleb lil Neuer b’xutt fil-baxx wara kross mix-xellug.
Minn Grupp I, Il-Belġju kif mistenni ma sabitx diffikultà biex rebħet 4-0 kontra San Marino. MICHY BATSHUAYI fetaħ l-iskor minn penalty fit-43 minuta u DRIES MERTENS irdoppja fis-57 minuta meta kompla għal ġewwa wara kross fil-baxx mix-xellug ta’ Nacer Chadli. L-istess NACER CHADLI għamilhom tlieta sitt minuti wara meta ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Simone Benedettini u xeħet fix-xibka mill-qrib. MICHY BATSHUAYI għalaq il-logħba bir-raba’ gowl fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug.
Fi Grupp E, il-Kroazja laħqet lill-Ungerija fil-quċċata b’rebħa tajba barra minn darhom ta’ 4-0 kontra s-Slovakkja. NIKOLA VLASIC fetaħ l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. Huma rduppjaw minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima meta kien IVAN PERISIC li skorja b’xutt fil-baxx li kien imxellef. Il-Kroazja għalqet il-logħba fit-72 minuta b’azzjoni personali fil-kaxxa ta’ BRUNO PETKOVIC. Kien għad fadal ħin għar-raba’ gowl li wasal fid-89 minuta bid-difensur Dejan Lovren jiskorja b’daqqa ta’ ras.
Mill-istess grupp, Gareth Bale kien strumentali biex Wales rebħet 2-1 kontra l-Ażerbajġan. Wales marret fil-vantaġġ meta Pavel Pashayev niżżel bir-ras lejn il-gowlkiper li iżda kien diġà għamel il-moviment fuq il-lemin tiegħu, u l-ballun spiċċa daħal fix-xibka. L-Ażerbajġan ġabet id-draw fid-59 minuta b’kontrattakk li minnu l-ewwel xutt ta’ MAHIR EMRELI kien salvat parzjalment iżda l-istess plejer skorja mir-rebound. Fl-84 minuta kellu jkun GARETH BALE li skorja b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira.
Riżultati kollha
Grupp Ċ: Estonja v Belarus 1-2, Ġermanja v Olanda 2-4
Grupp E: Slovakkja v Kroazja 0-4, Wales v Ażerbajġan 2-1
Grupp G: Armenja v Latvja 6-0, Slovenja v Polonja 2-0
Grupp I: Ċipru v Każakistan 1-1, San Marino v Belġju 0-4, Skozja v Russja 1-2
//= $special ?>