Lokali

‘Malta’ – Wirja Fotografika fid-Dar Ċentrali

Ritratti mill-pajsaġġ u l-ħajja Maltija

Bħala parti mill-festi tal-Indipdenza, il-Partit Nazzjonalista qiegħed itella’ wirja ta’ ritratti mill-fotografi ta’ Media.Link Communications bit-tema’ ‘Malta’, b’xelta ta’ ritratti mill-pajsaġġ u l-ħajja Maltija.

Il-ftuħ tal-wirja saret il-Ġimgħa waranofsinhar fid-Dar Ċentrali mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari, David Agius, fil-preżenza tal-fotografi li qed jesebixxu xogħolhom u numru ta’ ħaddiema ta’ Media.Link u tal-Partit Nazzjonalista

Il-fotografu Roberto Runza, tana aktar tagħrif dwar dina l-wirja:

Din hija l-ewwel wirja li qed issir mill-fotografi ta’ Media.Link Communications fl-okkażjoni tal-55 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. Il-wirja se tkun miftuħa mill-5 sad-9 ta’ filgħaxija sal-aħħar ta’ Settembru.”

Martin Agius, fotografu ta’ Media.Link Communications, spjega magħna l-għażla tiegħu tar-ritratti esebiti:

Ir-ritratti li għażilt huma dawk li nħobb immurr niġbed fil-ħin liberu tiegħu. Minħabba t-tema ta’ Malta, għażilt dawk ir-ritratti li ġbidt madwar l-ixtajiet ta’ Malta waqt it-tlugħ u l-inżul tax-xemx. Ir-ritratti huma kkategorizzati bħala fine art landscape.”

L-istess għamel il-fotografu, Matthew Tabone, fejn ix-xelta tiegħu ttrattat xeni mal-lejl:

Għandi wieħed ambjentat l-Imdina mal-lejl, wieħed mill-postijiet storiċi f’pajjiżna. Peress li t-tema tal-wirja hija ‘Malta’, irnexxieli noħloq effetti bid-dwal tal-karozzi bil-kuluri tal-bandiera Maltija. L-ieħor huwa ritratt li juri t-tradizzjoni Maltija tal-logħob tan-nar ġewwa Ħal Għargħur.”

Xeni simili ġibidhom il-fotografu Joseph Galea, li ttratta aktar il-kult festiv f’pajjiżna:

Ix-xelta li għażilt għal din il-wirja jirrigwardjaw il-kultura Maltija, xi ħaġa li nieħu pjaċir nagħmel, fosthom xeni mill-festi, il-piroteknika, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa bħal tad-Duluri u l-Marċ ta’ Filgħodu tar-Rabat fejn isir xow tal-karti. Bħal kif wieħed jista’ jara fil-wirja, nieħu gost nara li l-kultura Maltija tiġi rrekordjata b’dawn it-tip ta’ ritratti.”

Il-Viċi Kap, David Agius, f’diskors waqt l-inawgurazzjoni uffiċċjali fid-Dar Ċentrali radd ħajr lill-fotografi tagħhom tal-impenn fuq xogħolhom li jwasslu dawn ix-xeni mill-isbaħ miġbuda lill-qarrejja tal-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument, u l-portal ta’ Media.Link Communications, netnews.com.mt .

Kull min se jżur id-Dar Ċentrali għal żmien il-festi tal-Indipendenza jista’ jakkwistahom b’donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista u jistgħu jinkisbu wara l-għeluq tal-wirja nhar is-Sibt 28 ta’ Settembru.