Lokali Qorti

Protest fil-Qorti kontra l-Prim Ministru biex Malta taċċetta l-iżbark ta’ 13-il immigrant li jinsabu fil-periklu

L-entità Sea-Eye li hija l-propjetà tal-bastiment M/V Alan Kurdi qed titlob lill-awtoritajiet Maltin sabiex jintervjenu u jaċċettaw l-iżbark ta’ 13-il immigrant li jinsabu f’diffikultà u jiġu assistiti. Dan peress li dawn il-persuni jinsabu f’diffikulta wara li kienu qegħdin jaqsmu l-baħar tal-Mediterran u li bħalissa jinsab fl-ibħra internazzjonali.

Sea-Eye qalet li l-Awtoritajiet Maltin innegaw kull għajnuna lill-bastiment M/V Alan Kurdi u saħansitra ordnawlhom sabiex jirreferu l-każ tagħhom lil pajjiż fejn huwa reġistrat il-bastiment. Din l-pożizzjoni wasslet sabiex dawn it-13-il individwu jinsabu mwaħħlin fuq il-bastiment mingħajr ma huwa jingħatalu port sikur sabiex jiżbarkaw.

Fi protest ġudizzjarju li ġie preżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta ingħad li Igħal ħabta tat-0830 am tat-31 ta’Awissu 2019, l-Kaptan u l-ekwipaġġ tal-bastiment lemħu dgħajsa tal-injam bin-nies ġo fiha f’diffikultà.

Il-protest jgħid ukoll li meta waslu ħdejn id-dgħajsa sabu li fiha kien hemm 13-il individwu, kollha rġiel, u kienu f’qagħda kritika peress li l-imsemmija dgħajsa kienet biss 10 ċentimetri l-fuq mill-ilma u konsegwentament kien hemm riskju imminenti li l-irġiel li kien hemm ġo fiha jgħerqu u jitilfu ħajjithom.

Il-protest jgħid li s-sitwazzjoni fuq il-bastiment qed tiddeterjora fis-sens li l-individwi salvati jeħtieġu attenzjoni medika u dan kif ikkonfermat mit-tobba li huma preżenti fuq il-bastiment u jifformaw parti mill-ekwipaġġ.

Apparti minn hekk ma kienx hemm indikazzjonijiet jekk l-irġiel kienu jafu jgħumu u fid-dgħajsa ma kien hemm l-ebda preżenza ta’ ‘life vests’. Ghalhekk kellha tittieħed deċiżjoni f’waqtha sabiex l-ekwipaġġ tal-bastiment M/V Alan Kurdi jieħdu l-irġiel fuq ir-‘RHIBs’ u jittrasferixxuhom fuq l-isemmi bastiment.

Għaldaqstant, il-Qorti qed tiġi mitluba biex isir dak kollu possibbli biex jiġi kordinat l-iżbark f’port sikur tal-individwi salvati, filwaqt li l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati qegħdin jinammu responsabbli għad-danni kollha li qegħdin iseħħu u li jistgħu jseħħu għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Cedric Mifsud u Gianluca Cappitta.