Futbol Sport

Punt fl-ewwel logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew għaż-żgħażagħ Maltin

IRLANDA TA’ FUQ………………………. 0 MALTA………………………… 0

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena fetaħ l-impenji fi Grupp 8 bi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Irlanda ta’ Fuq, f’dak li jitqies bħala riżultat pożittiv hekk kif l-Irlanda ta’ Fuq huma tim aktar b’saħħtu u fiżiku.

Il-kowċ Malti Silvio Vella ħareġ b’sistema tattika ta’ 4-1-4-1 b’Gary Camilleri jibda fuq ix-xellug flok l-imweġġa’ Connor Zammit hekk kif Vella żamm il-maġġoranza tal-iskwadra li spiċċat 0-0 kontra l-Bożnija f’Ġunju li għadda.

Iż-żgħażagħ Maltin kellhom jassorbu l-pressjoni tal-avversarji fl-ewwel taqsima iżda kienu tattikament dixxiplinati, tant li mal-ħin bdew jieħdu aktar kunfidenza fil-logħob tagħhom. Fit-tieni taqsima huma baqgħu ffukati li ma jwettqux żbalji sempliċi biex kisbu punt meritat.

L-Irlanda ta’ Fuq ħolqot l-ewwel periklu wara 13-il minuta meta Shea Gordon daħal għall-kross mix-xellug iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra. It-tim Malti wieġeb man-nofs siegħa logħob b’daqqa ta’ ras ta’ Kurt Shaw li għaddiet ftit barra mil-lasta tal-gowlkiper ta’ Celtic Conor Hazard.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Jan Busuttil ġiegħel lil Hazard isalva b’diffikultà wara xutt fil-baxx minn madwar 25 minuta. Ċans ieħor għat-tim Malti mas-siegħa logħob b’azzjoni ta’ Zachary Brincat lejn Kurt Shaw iżda l-konklużjoni tal-plejer minn barra l-kaxxa ta’ Sliema spiċċat ftit għoli.

Ftit wara l-Irlandiżi marru viċin b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Robert Burns tgħaddi ftit għoli filwaqt li fil-71 minuta David Parkhouse kellu daqqa ta’ ras li għaddiet fuq il-mimduda. Fl-aħħar minuti t-tim Malti rnexxielu jikkontrolla l-logħba għal punt prezzjuż.