Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu l-kampjonat ta’ taħt l-20 sena tal-waterpolo

It-tim ta’ taħt l-20 sena ta’ San Ġiljan ġie preżentat uffiċjalment bħala r-rebbieħ tal-kampjonat wara staġun li fih rebħu disa’ mill-għaxar logħbiet li lagħbu, bl-unika telfa tasal kontra Neptunes.

Huma spiċċaw il-kampjonat b’total ta’ 27 punt, tmienja aktar minn Neptunes li fadlilhom logħba kontra Sliema, b’tal-aħħar jinsabu fit-tielet post bi 18-il punt iżda fadlilhom żewġ logħbiet. Fl-għaxar logħbiet li lagħbu ż-żgħażagħ Ġiljaniżi skorjaw 129 gowl u sofrew 57 gowl.

It-tim immexxi mill-kowċ Marko Orlovic kien magħmul minn Thomas Micallef, Dean Ciantar, Jake Bonavia, Ben Grech, Christian Farrugia, Jayden Portelli, Mattias Ortoleva, Kelvin Magri, Tristan Said, Darren Zammit, Giuseppe Mannino, Andrea Saliba, Eren Erkayasi, Zach Micallef, Gilmour Ellul, Sean Farrugia u Gareth Vassallo.

Dan is-suċċess hu l-aħħar wieħed għall-President Daniel Aquilina li se jħalli l-kariga wara 10 snin fit-tmexxija, l-istess bħaċ-chairman tan-nursery Ivan Said li wara 11-il sena ddeċieda li ma jerġax jikkontesta għall-kumitat.